Dimostranti favur Donald Trump, li mhux jaċċettaw ir-riżultat tal-elezzjoni Presidenzjali, li ddikjara lil Joe Biden bħala r-rebbieħ, daħlu fil-binja fejn hemm il-qalb tal-Gvern Amerikan f’Washington u waqqfu lill-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senat milli jiċċertifikaw ir-riżultat tal-elezzjoni.
Fil-binja magħrufa bħala Capitol kien hemm kaos sħiħ, b’atti vjolenti u nies armati dehru jkissru twieqi u jidħlu fejn kien qed jitlaqqa’ l-Kungress.
Mara nqatlet b’tiri sparati filwaqt li ġew elevati xi armi u arrestati numru ta’ persuni.
Dimostrant deher anki fl-uffiċċju tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Nancy Pelosi.
Wara dan kollu l-President Donald Trump talab lid-dimostranti biex jirtiraw u ma jkunux vjolenti.
Huwa ddefendihom u sejħilhom patrijotti.
Min-naħa tiegħu l-President Elett Joe Biden qal li l-atti, li mhux biss ixxukjaw l-Amerika iżda anke lid-dinja, mhumiex atti li jirrappreżentaw lill-Amerikani.
Biden talab lil Trump biex jiddefendi l-Kostituzzjoni.
Figuri Repubblikani mill-Partit ta’ Trump fosthom l-eks President George W. Bush u Mitt Romney ikkundannaw dak li sejħu bħala attakk fuq id-demokrazija.
Romney qal li Trump inċita l-vjolenza.
Ftit qabel il-kaos li qam, Donald Trump organizza rally f’Washington fejn irrepeta allegazzjonijiet u akkużi li l-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru kienet imbagħbsa.
Ix-xahar li għadda l-kulleġġ elettorali Amerikan eleġġa lil Joe Biden u issa kien imiss lill-Kamra tar-Rappreżentanti u lis-Senat biex jiċċertifikaw ir-rebħa ta’ Biden.
Is-Sindku ta’ Washington sejjaħ lil kulħadd biex jidħol f’daru hekk kif l-affarijiet eskalaw fil-kapitali.
Il-Viċi President Mike Pence ġie evakwat mill-Capitol u aktar qabel qal li huwa mhux se jimblokka ċ-ċertifikazzjoni ta’ Joe Biden bħala President Elett.
Dan minkejja li Trump talbu jagħmel hekk.
Fil-fatt Trump kiteb u qal li Pence ma kellux il-kuraġġ jiddefendi l-kawża tiegħu.
L-aħħar rapporti qed jgħidu li l-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senaturi mistennija jerġgħu jiltaqgħu fil-ħin li ġej u jkomplu bil-vot biex formalment jiċċertifikaw lil Joe Biden bħala l-President li jmiss tal-Istati Uniti.
Intant twitter imblokka l-attività fuq din il-pjattaforma soċjali ta’ Donald Trump.
Dan filwaqt li ċ-Chief of Staff tal-First Lady Melania Trump irriżenjat fid-dawl ta’ dawn l-aħħar żviluppi.
Rapporti qed jgħidu wkoll li Trump jinsab iżolat fil-White House u l-awtoritajiet Amerikani qed jikkoordinaw mal-Viċi President Mike Pence.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/01/07/aggornat-erba-persuni-mejta-wara-l-koas-fil-capitol/