Is-sena elfejn wieħed u għoxrin hija sena speċjali ferm għall-Ordni tad-Dumnikani madwar id-dinja hekk kif qed jitfakkar t-tmien mitt sena mill-mewt ta’ San Duminku.
L-Ordni reliġjuża f’Malta wkoll se tagħti importanza kbira lil dan l-anniversarju, fejn il-Patrijiet ta’ San Duminku fil-Birgu se jagħtu bidu għal dawn il-festi nhar il-Ħadd li ġej b’quddiesa ċċelebrata mill-Emminenza Kardinal Mario Grech.
Infatti, il-Knisja ta’ San Duminku f’din il-belt ukoll libset il-libsa ta’ festa, hekk kif jispikka hemm id-damask aħmar, it-tużell imdendel fuq l-artal, il-gandlieri u l-fjuri tal-ganutell.
Ma naqasx ukoll li l-istatwa ta’ San Duminku wkoll issib postha fil-Knisja, hekk kif inħarġet apposta min-niċċa tagħha għal din il-festa partikolari u speċjali.
Fil-ħemda tal-Kunvent tal-Ordni tad-Dumnikani fil-Birgu, li fih baqa’ ħames patrijiet, iltqajna mal-Pirjol Aaron Zahra li spjega xi tfisser għalihom din il-festa.
Qal, “Aħna qed niċċelebraw mhux il-mewt biss ta’ San Duminku imma l-kobor tal-qdusija tiegħu u dak li ħalla lill-Knisja, l-Ordni li għadu ħaj sal-lum. Illum insibu madwar sebat elef membru li huwa mxerred madwar id-dinja kollha.”
Il-Pirjol Dumnikan kompla jispjega kif se jintlaħaq il-qofol ta’ din il-festa hawn f’Malta.
Spjega, “Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet matul din is-sena ser ikun li se tinġieb minn Ruma ir-relikwija tal-kranju, iġifieri l-biċċa ta’ wara tar-ras ta’ San Duminku mill-Monasteru tas-Sorijiet Dumnikani f’Ruma u din ser tkun fil-festa ta’ Missierna San Duminku fl-aħħar ġimgħa t’Awwissu.”
Bħala parti minn dawn il-festi se ssir konferenza kull xahar sa Awwissu sabiex tiġi spjegata aħjar il-ħajja ta’ San Duminku u jasal b’mod aktar ċar il-messaġġ li ried jibgħat.