Hekk kif mill-1 ta’ Jannar daħlet il-miżura tal-Budget tal-Gvern ta’ trasport ta’ Tal-Linja b’xejn għall-anzjani ta’ 70 sena jew aktar, mad-29,000 persuna anzjana qed jagħmlu użu min dan is-servizz.
Ma’ ONE News, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg tkellem dwar l-importanza tal-użu tat-trasport pubbliku sabiex il-poplu jkompli jikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-traffiku madwar pajjiżna.
Qal li din il-miżura għenet ukoll lill-anzjani, apparti ż-żieda oħra fil-pensjonijiet.
Qal kif, “Fl-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena daħlet il-miżura l-ġdida li ħabbarna bħala Gvern fil-Budget li għadda u allura kważi 29,000 persuna ta’ ‘l fuq minn 70 sena issa qed jiggwadanjaw minn Tal-Linja b’xejn.”
Il-Ministru Borg spjega li din il-miżura tikkumplimenta dik tat-trasport pubbliku b’xejn għal studenti u anke għall-persuni b’diżabilità.
Spjega wkoll l-ispiża totali li qed jonfoq il-Gvern għal dawn il-miżuri.
Qal, “Il-fatt li issa żidna daqstant il-lista ta’ nies li huma eliġibbli għal trasport pubbliku b’xejn, il-miżura tal-Gvern hija investiment ta’ €3.8 miljun li aħna narawhom investiment importanti għal iżjed użu, iżjed patronaġġ fuq Tal-Linja. Dik tfisser inqas karozzi fit-toroq u inkomplu nikkumbattu l-isfidi tal-konġestjoni, l-emmissjonijiet u sfidi oħra li ġġib magħha.”