Għall-ewwel darba f’pajjiżna se jittella’ l-Festival Nazzjonali tal-Baned.
Il-baned kollha ta’ Malta u Għawdex jistgħu japplikaw u jintgħażlu erba’ biex f’Mejju li ġej itellgħu programm fil-Kottonera taħt id-direazzjoni tas-Surmast Ray Sciberras.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Birgu organizzat mill-fondazzjoni Kottonera u l-Għaqda Każini tal-Banda, intqal kif l-baned iridu jħejju ruħhom u jdaħħlu kompożizzjonijiet ġodda.
Il-President tal-Għaqda każini tal-baned Dr. Noel Camilleri spjega xi linji gwidi li dawn iridu jimxu magħhom.
Qal kif, “Il-linji gwidi se jispeċifikaw t-tip ta’ strumenti li hemm bżonn biex ma jkunx hemm eseġerazzjoni ta’ ħsejjes u jkun hemm bilanċ mużikali f’kull banda u kull banda jkollha l-istess strumentatura u ma jkun hemm sens kompettittiv għaliex dan, l-eżekuzzjoni mhux se jkun festival kompettitiv imma se jkun biex aħna nuru u nkabbru s-sbuħija tal-baned Maltin.”
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield qal illi din is-sena rridu nagħmluha s-sena tal-Kottonera u għalhekk f’għadd ta’ proġetti u inizjattivi se jkunu investiti mal-għoxrin miljun ewro. Il-Festival Nazzjonali tal-Baned huwa wieħed minn sensiela ta’ inizjattivi li se jkunu qed isiru.
Spjega, “L-interess tagħna huwa li nagħtu platform nazzjonali lill-baned, nirrikonoxxu l-ħidma u nħeġġu aktar it-tgħalim tal-baned u mużika u nħeġġu aktar ukoll lill-baned jorganizzaw ruħhom b’mod tajjeb ħalli nkomplu nsaħħu l-identità u dak kollu li jagħmilna Maltin u Għawdxin.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Kultura Josè Herrera spjega kif bħalissa għaddejja ħidma ħalli l-Festa Nazzjonali, li l-baned għandhom irwol kruċjali fiha, tkun fil-lista tal-wirt dinji kulturali tal-UNESCO.
Qal, “L-għana Maltija li jistħoqqilha li tiġi ttimbrata b’dan il-mod, iżda li qed nimbuttaw il-quddiem hija l-festa Maltija – kullimkien hemm festi, però il-festa Maltija għandha l-partikolarita tagħha, tagħti l-identità tagħna u naħseb illi bħala dak li huwa wirt intanġibbli jiena naħseb illi l-festa Maltija għandna nibuttawa ‘l quddiem.”
Dan il-programm mistenni jittella’ fit-tieni u t-tielet ġimgħa ta’ Mejju, iżda dan ser ikun suġġett għar-regolamenti tas-Saħħa Pubblika.