Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li kulħadd għandu r-responsabilità tiegħu biex jekk it-tfal ma jifilħux ma jintbagħtux l-iskola u hekk inżommu l-iskejjel miftuħa.
Dan hekk kif għada mistennija tkompli s-sena skolastika wara l-btajjel tal-Milied.
F’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-proċess tat-tilqim għall-Covid-19, il-Professur Gauci kienet mistoqsija dwar is-sitwazzjoni fl-iskejjel u stqarrija li ħarġet il-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, li skont din il-unjin, l-awtoritajiet tas-saħħa taw parir biex l-iskejjel ma jinfetħux.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa tkellmu dwar numru ta’ każijiet ta’ Covid-19 fost tfal żgħar.
Qalet kif se jkun qed jissaħħaħ l-iscreening ta’ dawk li jidħlu fl-iskola u miżuri oħra ta’ mitigazzjoni.