Ir-ristorant Al Ustura f’Paceville ġie ordnat jagħlaq u ngħata multa ta’ iżjed minn elfejn u tliet mitt ewro mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Din l-azzjoni ttieħdet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu wara li kmieni fl-ewwel jum tas-sena ġie rappurtat li nqalgħet ġlieda bejn ħamsin persuna fih.
Ġlieda li kompliet barra, fejn tliet persuni ttieħdu l-isptar.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħadet din l-azzjoni wara l-investigazzjonijiet li saru wara l-każ sabiex jitwaqqaf l-operat ta’ dan l-istabbiliment.
S’issa għadu mhux magħruf jekk dan ir-ristorant hux se jingħalaq b’mod temporanju jew għal dejjem.
Filmati minn dakinhar juru numru ta’ karozzi tal-pulizija waslu fuq il-post biex minnufih bdew jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Minnufih jidhru numru ta’ persuni u pulizija jduru ma karozza ta’ persuna li pprova jitlaq minn fuq il-post.
Persuni jidhru jagħtu bis-sieq il-karozza u persuna tinstema’ tgħajjat ‘Iftaħ iftaħ’. Jidher li anke tkissret il-ħġieġa tat-tieqa tan-naħa tal-passiġġier tal-karozza. Huwa maħsub li saħansitra ntużaw tasers sabiex tkun ikkontrollata s-sitwazzjoni.