Is-sena elfejn wieħed u għoxrin timmarka s-sebgħin anniversarju mit-twaqqif tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, li tul is-snin kellu ismijiet differenti.
Kien l-editur tal-gazzetta Laburista ‘Is-Sebħ’, Nestu Laiviera li ressaq proposta lill-Eżekuttiv tal-Partit Laburista sabiex titwaqqaf l-għaqda taż-żgħażagħ.
Il-Mexxej tal-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien, il-Perit Mintoff mill-ewwel irrikonoxxa s-siewi li jista’ jkollha din il-fergħa żagħżugħa fil-Partit Laburista u immedjatament mexxa ‘l quddiem din il-proposta, li permezz tagħha nħatret Kummissjoni mmexxija minn tliet membri sabiex jibnu l-pedamenti ta’ din il-fergħa.
Dan kien il-bidu ta’ moviment żagħżugħ fi ħdan il-Partit Laburista, moviment li tul is-snin issaħħaħ u kien protagonist f’ħidmet il-partit li għadu kif iċċelebra mitt sena mit-twaqqif tiegħu.
Il-President preżenti tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, Georvin Bugeja spjega li ż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit kienu protagonisti fl-akbar sfidi al-Partit fosthom fi żmien l-Interdett kif ukoll fl-irvellijiet ta’ tmienja u għoxrin ta’ April elf disa’ mija u tmienja u ħamsin.
Huwa stqarr: “Din il-fergħa li tat opportunità lil bosta żgħażagħ, li semmgħet il-vuċi taż-żgħażagħ, li kienet il-protagonista biex illum qed ngħixu f’Malta moderna u progressiva li qed ngħixu. Kienet katalista biex sebgħin sena ilu, u matul dawn is-sebgħin sena, pajjiżna ra drittijiet jiġu introdotti.”
Georvin Bugeja spjega li dan l-anniversarju importanti se ikun imfakkar b’sensiela ta’ attivitajiet.
Huwa sostna: “Għandna programm u qed nippjanaw programm politiku, kalendarju politiku qawwi ħafna biex inkomplu nitkellmu nsemmgħu l-vuċijiet taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin u suġġetti oħra li huma kemmxejn kontroversjali.”