Il-ħanut magħluq, id-dawl mitfi u tperper fuq barra hemm faxxa sewda bil-kliem, “il-familja b’vistu”. Bosta qed jibku t-telfa ta’ Anthony D’Amato ta’ ħamsa u sebgħin sena li miet ħabta u sabta fl-isptar wara li ftit jiem ilu nstablu tumur.
Anthony D’Amato kien it-tielet ġenerazzjoni li flimkien ma’ ħutu John, Joseph u George mexxew il-ħanut tad-diski fi Triq San Ġwann fil-Belt Valletta. In-negozju beda minn missieru Giovanni D’Amato fl-elf tmien mija u ħamsa u tmenin u huwa meqjus bħala wieħed mill-eqdem ħwienet ta’ dan it-tip fil-Belt.
Din it-telfa ħalliet lil bosta dilettanti tal-mużika jibku t-telfa u jġeddu l-memorji ta’ kemm kienu jmorru għand D’Amato tad-Diski biex jixtru xi diska.
L-għada ta’ mewtu, dan l-istazzjon żar il-ħanut li fih Anthony qatta’ l-biċċa l-kbira minn ħajtu, u hemmek iltqajna ma’ ibnu Anthony li spjegalna kif fuq is-sodda li fuqha ħa l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu xorta kien moħħu fil-ħanut.
Fil-fatt sa ftit tal-ġimgħat qabel, Anthony kien ikun fil-ħanut.
Qal kif, “Għex ħajtu kollu hawnhekk mindu kellu erbatax u ħmistax-il sena, wara l-iskola kien jitla’ hawnhekk għax in-nannu ma tantx kien jiflaħ. Baqa’ jiġi hawn kuljum sakemm irtira u anke wara li rtira baqa’ jiġi jtina daqqa t’id anke l-isptar moħħu f’hawn kif sejrin u x’qegħdin nagħmlu, kollox.”
Filwaqt li bid-dmugħ f’għajnejh Anthony irrakkuntalna memorja ta’ meta kien għadu ċkejken jilgħab fil-ħanut tal-mużika, qalilna kemm missieru kellu passjoni biex iservi lin-nies.
Spjega, “Ilni niġi hawn mindu kont fil-buggy fis-sena nipprova nagħmel ballun bil-karti u kartuna kien ikollna kaxxi u anke ġieli konna nilgħabu football hawnekk. Niftakru dejjem jaqdi lin-nies u jipprova jgħinhom għax iktar kien iħares lejn hawnekk aktar milli business aktar servizz.”
Issa li t-tmexxija tan-negozju waqgħet f’idejh, b’ton kiebi, Anthony qalilna li r-respononsabblità żdiedet b’mod drastiku.
Qal, “Għandi obbligu li nkomplu l-legat li ta’ parti sostanzjali minnha hu. Ta’ aktar minn sittin sena minn ħajtu hawnekk u s-sena ta’ responsabblità tiegħi hawnekk żdied aktar.”
Il-funeral ta’ D’Amato se jsir it-Tlieta fil-Knisja tal-Karmnu l-Belt, filwaqt li l-ħanut ser jerġa’ jiftaħ mill-ġdid l-Erbgħa sitta ta’ Jannar.
Imma din id-darba Anthony D’Amato mhux se jkun qed jilqa’ lill-klijenti fid-daħla tal-bieb ta’ barra, bil-mewt se tara r-raba ġenerazzjoni tieħu t-tmexxija tal-ħanut ta’ D’Amato tad-diski.