Mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena, hekk kif intemm il-perjodu tranżitorju ta’ wara Brexit, kull moviment li jsir bejn Malta u l-Ingilterra m’għadux moviment ħieles, la tal-persuni u lanqas tal-merkanzija.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana, Joe Chetcuti, spjega li l-ftehim milħuq bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea fl-aħħar jiem, jipprovdi ċertu benefiċċji ta’ kummerċ bejn iż-żewġ naħat.
Qal kif, “Kull moviment li jsir, kemm minn individwi kif ukoll minn kumpaniji, irid jiġi ddikjarat lid-Dwana, fil-formularju normali fis-sistemi tagħna u hu suġġett għall-kontrolli tad-Dwana.”
Kull min jiġi mir-Renju Unit huwa soġġett għall-eżaminazzjoni tad-Dwana, u kwalunkwe oġġett li jkun xtara mir-Renju Unit jrid jiddikjarah mal-wasla tiegħu fl-ajruport.
Jekk l-ammont jiżboq l-erba’ mija u ħamsin ewro, irid jitħallas id-dazju.
Spjega, “Persuni li jkunu ġejjin mir-Renju Unit, u qed nagħmilha ċara persuni li jkunu ġejjin mir-Renju Unit mhux persuni residenti r-Renju Unit, jiġifieri anki Maltin li jkunu marru r-Renju Unit u jkunu ġejjin lura Malta, issa m’għadux jgħodd għalihom il-kanal il-blu, imma jridu jagħżlu u jagħmlu dikjarazzjoni lid-Dwana jekk għandhomx x’jiddikjaraw jew le.”
Dak li jgħodd għall-individwi, japplika wkoll għall-kummerċ.
Id-Direttur tal-Affarijiet Internazzjonali tad-Dwana, Ian Muscat, spjega li l-oriġini tal-prodotti li jinxtraw mir-Renju Unit, tiddetermina jekk id-dazju fuq l-oġġett jitħallasx jew le.
Jekk oġġett importat mir-Renju Unit ikun ġie mmanifatturat fir-Renju Unit stess, ma jitħallasx dazju fuqu, imma jekk prodott importat mir-Renju Unit ikun maħdum f’pajjiż ieħor, wieħed jitlef dan il-benefiċċju.
Qalet kif, “Eżempju, ikun xogħol li jkun importat l-Ingilterra miċ-Ċina, però mbagħad in-negozjant Ingliż ikun biegħu lin-negozjant Malti allura n-negozjant Malti, importa dak il-prodott mill-Ingilterra però l-prodott mhuwhiex ta’ oriġina Ingliża imma huwa ta’ oriġina Ċiniża.”
Is-Sur Muscat spjega wkoll li xogħol li telaq mill-Ingilterra qabel l-aħħar tas-sena u għadu ma wasalx Malta, mhux se jkun soġġett għar-regolamenti tad-Dwana imma ħa jiġi rilaxxat bħala merkanzija li qed toriġina mill-Unjoni Ewropea.
Qal kif, “F’dan il-każ, aħna qed nitolbu ċertu dokumentazzjoni bħal CMR, Bill of Lading, Air Waybill, li juru li x-xogħol għadda mingħand l-esportatur għal għand il-kuntrattur tat-trasport qabel l-aħħar tas-sena li għaddiet.”
Intant, is-sit elettroniku tad-Dwana qed tkun aġġornata kontinwament, u tinkludi sezzjoni speċifika dwar il-bidliet wara Brexit.