L-aħħar jiem tas-sena elfejn u għoxrin kienu l-aktar b’saħħithom għas-suq domestiku f’Għawdex mindu faqqgħet il-pandemija Covid-19 f’Marzu li għadda.
Dan juri kif is-sena elfejn u għoxrin kienet is-sena li rat żieda qawwija fis-suq domestiku, bil-qofol jinlaħaq fi żmien il-festi pubbliċi fosthom l-Imnarja, il-Vittorja u anke Santa Marija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu Joe Muscat żvela ma’ dan l-istazzjon li l-maġġoranza tal-postijiet ta’ akkomodazzjoni f’Għawdex kienu okkupati u li rrappurtaw ammonti tajbinta’ suq domestiku.
Qal, “L-iktar li nħassu b’mod b’saħħtu dan l-influss ta’ Maltin kien fis-settur tal-Akkomodazzjoni u self-catering fejn għandek numru ta’ farmhouses kif ukoll appartamenti illi bażikament dawn kienu meħudha għal dan il-weekend. Ovvjament fis-settur l-ieħor tal-akkomodazzjoni tal-lukandi u guest houses kien hemm ukoll irappurtat numru tajjeb ta’ suq domestiku.”
Dan jikkonfermawh ukoll in-numri li ġew irreġistrati mit-tletin ta’ Diċembru li għadda sal-Ħadd tnejn ta’ Jannar mill-Kumpanija Gozo Channel li rat aktar minn ħamsa u għoxrin elf persuna jaqsmu l-fliegu.
Joe Muscat innota kif minkejja kollox, grazzi għall-ispalla li offra l-Gvern fi żminijiet diffiċli, l-istabbilimenti li jdawru l-gżira Għawdxija xorta baqgħu joperaw.
Qal, “Madanakollu b’dawn l-effetti tal-pandemija, l-istabbilimenti tagħna xorta baqgħu joperaw fiċ-ċirkostanzi illi kienu limitati u dan ukoll grazzi għall-għajnuna li ngħatat mill-Gvern, għajnuna fil-wage supplement, għajnuna fuq il-kera u dawl u ilma kif ukoll bdejna naraw influss fl-ekonomija meta ħarġu l-vouchers tal-mitt ewro.”
Muscat semma li aktar minn ħamsin fil-mija tal-ekonomija Għawdxija tiddependi fuq is-settur turistiku u għalhekk l-importanza ta’ inċentivi simili li ħallew ir-rota ekonomika iddur b’mod intern.