Kontra dak li qalet l-ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech stqarr li jrid isaħħaħ il-midja tal-Partit tiegħu. Hekk kompliet toħroġ fid-deher il-firda fil-Partit Nazzjonalista dwar il-midja tal-Partit stess. Fi tmiem intervista fuq NET FM l-Ħadd filgħodu, il-kap Nazzjonalista Bernard Grech għamel din id-dikjarazzjoni.
Dan għalkemm l-ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, stqarret li l-istazzjonijiet tal-Partiti politiċi ma kellhomx ikunu hemm għal dejjem u li dawn jistgħu jispiċċaw, bħala parti minn riforma. Dan kienet saħqitu mas-sit Lovin Malta, is-sit li għandu interess partikolari fuq l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi.
Dan il-kumment kien qajjem rabja kbira u ma niżel tajjeb xejn ma ħaddiema tal-midja tal-Partit Nazzjonalista li għal snin twal ilhom jintalbu jagħmlu s-sagrifiċċji minħabba djun kbar li ħonqu lill-Partit Nazzjonalista.
Saħansitra d-deputat Nazzjonalista Karl Gouder li jmexxi l-midja tal-Partit kien kiteb fuq facebook u qal li l-midja tal-Partit Nazzjonalista dejjem hemm se tibqa’.
Saħaq li jekk tieqaf il-midja tal-Partit Nazzjonalista tkun theddida serja għad-demokrazija.
Issa kien imiss lil Bernard Grech li jidħol jipprova jberred ir-rabja tal-ħaddiema tal-istazzjon wara li Roberta Metsola, kandidata tal-establishment, dehret lesta li ttellef il-ħobża ta’ kuljum tal-ħaddiema leali lejn il-Partit Nazzjonalista.