Erba’ supermarkets tal-Iscotts mistennija jinxtraw mill-grupp ta’ supermarkets tal-Lidl.
It-trasferiment u x-xiri tal-ħwienet tal-grupp Scotts qed jiġi evalwat mill-uffiċċju għall-Kompetizzjoni.
Il-grupp tal-Lidl mistenni jixtri l-ħwienet ta’ Scotts għall-valur ta’ ħamsa u tletin miljun ewro.
Preżentament, il-grupp internazzjonali Lidl għandu tmien ħwienet madwar Malta u Għawdex.
Il-grupp kien fetaħ il-ħwienet tiegħu f’Malta fl-elfejn u tmienja.
Min-naħa l-oħra, il-grupp Scotts huwa negozju tal-familja Said u qabel is-supermarkets, il-familja kellha negozju marbut mal-ħwejjeġ.
Fil-fatt il-familja kellha d-ditta Peter Blond.
Fl-elfejn u tnejn, il-familja Said bdiet bl-ewwel ħanut tagħha ta’ Scotts fin-Naxxar.
Fis-snin ta’ wara kellha ħwienet oħra tal-istess grupp f’Ħ’Attard, tas-Sliema, Santa Luċija, Ħaż-Żabbar u Fleur-de-Lys.
Fl-elfejn u sbatax, il-grupp ta’ Scotts irrapporta dħul mill-bejgħ ta’ tmienja u tletin miljun ewro iżda qligħ ta’ ftit inqas minn miljun ewro qabel it-taxxa.
Min-naħa l-oħra, fl-elfejn u dsatax, il-Lidl daħħal mija u tnejn u tmenin miljun ewro mill-bejgħ u qligħ ta’ tletin miljun ewro qabel tinqata’ t-taxxa.