L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, ġiet ordnata tħallas kważi sebgħa u erbgħin elf ewro f’kumpens wara li fi żmien il-President Norman Darmanin Demajo, tkeċċiet inġustament ħaddiema li kienet taħdem ukoll fi żmien il-Presidenza tal-avukat Joseph Mifsud.
Fi stadju t’appell, il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff intqal li Pauline Basile Pace, li kienet l-assistenta personali tal-eks President tal-MFA Joe Mifsud, tkeċċiet wara li laħaq Darmanin Demajo magħruf bħala ‘d-DeDe’.
Quddiem it-Tribunal Industrijali nstema’ kif l-eks impjegata tal-MFA tkeċċiet b’sempliċi ittra wara li ħadet xi ġranet leave mingħajr ħlas fi żmien il-Milied.
Hija kienet sabet ittra fuq il-mejda fejn intalbet tiġbor kollox u titlaq ‘il barra.
Nies fiċ-ċrieki tal-futbol qalu li Basile Pace kienet tkeċċiet għaliex kienet tappoġġja lil Joe Mifsud.
Dan tal-aħħar kien tilef l-elezzjoni għall-President tal-MFA fl-elfejn u għaxra kontra Norman Darmanin Demajo.
Fil-fatt Mifsud kien kiseb wieħed u tletin vot filwaqt li Darmanin Demajo kiseb sebgħa u sebgħin vot mill-klabbs tal-futbol li kienu eleġġewh biex imexxi l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol.
Ġie rrappurtat li t-Tribunal Industrijali qal li mbagħad Basile Pace sofriet minn trattament ħażin fuq il-post tax-xogħol u saħansitra ngħatat il-ġenb u ma tħallietx tagħmel ix-xogħol li kienet tagħmel qabel.
L-istess Tribunal kien iddikjara li l-mara tkeċċiet inġustament u kontra l-liġi.
L-MFA kienet appellat minn din id-deċiżjoni iżda fi stadju tal-appell ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni.
B’hekk l-MFA kienet intalbet tħallas sitta u erbgħin elf u tmien mitt ewro f’kumpens.
Basile Pace talbet kumpens ta’ ftit aktar minn erbgħa u sebgħin elf ewro għaliex argumentat li ma sabitx impjieg alternattiv iżda kien intqal li hija naqset milli tipprovdi raġunijiet validi oħra favur l-argument tas-somma li bdiet titlob.
Riżultat ta’ din id-deċiżjoni, bosta klabbs li speċjalment jiddependu iżjed fuq l-għajnuna li tat l-MFA ħassuhom urtati li deċiżjoni ta’ żmien Norman Darmanin Demajo, ‘id-DeDe’, waslet biex l-MFA se jkollha toħroġ eluf ta’ ewro fuq ksur ta’ liġi.