Fl-elfejn u għoxrin, Malta bkiet ukoll it-telfa ta’ wħud minn uliedha li taw servizz jew kienu personalitajiet magħrufa f’pajjiżna.
Ray Calleja, dak li ħoloq il-marka famuża Twistees miet fid-disgħa ta’ Jannar.
Fit-tlieta ta’ Frar, Malta tilfet wieħed mill-aqwa atturi li qatt kellha. George Micallef, li jibqa’ mfakkar fost oħrajn għall-partijiet li ħadem fi Fredu l-Fra u l-Madonna taċ-Ċoqqa, miet fl-età ta’ sitta u sebgħin sena. Għall-funeral tiegħu, kienu bosta li sellmulu, fosthom bosta atturi, inkluż ħuh Mario Micallef.
Fl-istess xahar, fis-sitta u għoxrin ta’ Frar, ħalla din id-dinja Mario Mallia, li kien għadu kif irtira minn Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta.
Fis-sitta ta’ Marzu miet il-klarinettista u mużiċist rinomat Freddie Mizzi. F’April miet Joe Izzo. Kien attur u dderieġa bosta drammi. Fl-istess xahar, fit-tmienja u għoxrin t’April, mietet ix-xandara veterana Joyce Guillaumier. Hija kienet xandara u fost l-ewwel nisa li tipproduċi programm fuq Radju Malta, sa mill-bidu tiegħu. Fl-aħħar snin kienet ħadmet ukoll fuq produzzjonijiet imxandra fuq ONE fosthom dawk ta’ natura artistika u kulturali.
Fit-tlieta ta’ Mejju miet Monsinjur Arthur Said Pullicino. Kien Vigarju u ħadem fuq il-beatifikazzjoni ta’ Ġorġ Preca, Adeodata Pisani u Nazju Falzon. L-għada ħalla din id-dinja l-attur Alfred Mallia. Huwa jibqa’ mfakkar għall-partijiet li ħadem f’Baħar Wieħed u f’Leli ta’ Ħaż-Żgħir.
Anthony Tabone, eks Chairman tal-Awtorità tax-Xandir miet fl-età ta’ ħamsa u sebgħin sena nhar l-għaxra ta’ Mejju.
Il-Professur Aaron Casha, kirurgu tal-qalb miet wara kumplikazzjonijiet f’saħħtu waqt li kien pożittiv għall-Covid-19. Huwa miet nhar it-tlettax ta’ Mejju tal-elfejn u għoxrin.
Fil-ħamsa t’Awwissu miet il-ġurnalist veteran tal-Unionprint, Sammy Sammut. Kien magħruf bħala ġurnalist serju b’karriera twila ta’ kważi ħamsin sena.
Fit-tmienja u għoxrin ta’ Settembru miet Joseph Church, kien Segretarju tal-Presidenza ta’ George Abela u anki mexxa l-Kummissjoni Elettorali.
Id-deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi miet wara li kien marid nhar is-sbatax t’Ottubru. Kien deputat parlamentari Għawdxi sa mill-elf disa’ mija tmienja u disgħin.
L-attriċi Margaret Agius, li ħadmet f’bosta drama mxandra fuq ONE ħalliet din id-dinja nhar it-tmienja u għoxrin t’Ottubru. Ħal Qormi spiċċa orfni u beka wieħed minn uliedu wara li miet is-Sindku tal-belt Pinto. Renald Falzon miet ta’ sitta u erbgħin sena waqt li kien pożittiv għall-Covid-19 u jibqa’ mfakkar kemm ħadem għall-ġid tal-Qriema mingħajr ma qatt ħares lejn kuluri.
Fil-wieħed u għoxrin ta’ Novembru tħabbret il-mewt tal-Professur Oliver Friggieri. Patrijott, bniedem intelletwali u kittieb Malti. Il-Gvern Malti organizza l-funeral u ta ġieħ kbir lill-Professur Friggieri.
Fl-istess xahar, preċiżament fid-disgħa u għoxrin ta’ Novembru, miet Carmel Aquilina li dderieġa bosta drammi għat-teatru.
Is-sena għalqet bil-mewt ta’ J. J. Cremona. L-eks Prim Imħallef u li kien fassal il-Kostituzzjoni tal-Indipendenza miet ftit qabel għalaq mija u tliet snin.