Tul l-2021 il-Gvern Malti se jdaħħal fis-seħħ aktar miżuri li se jkomplu jgħinu l-poplu Malti u Għawdxi mill-aspett ekonomiku u soċjali.
Kif tħabbar anke fil-budget f’ Ottubru li għadda, il-Covid Wage Supplement għan-negozji l-aktar milquta ħażin kawża tal-COVID-19 mistenni jkompli sa mill-anqas Marzu li ġej. Dan kollu se jiswa madwar €40 miljun fix-xahar, u s’issa, din il-miżura waħedha għenet aktar minn mitt elf ħaddiem u salvat aktar minn għoxrin elf negozju.
Fl-ewwel ġimgħat tas-sena l-Gvern mistenni jerġa’ jqassam il-vouchers ta’ mitt ewro lil kull resident li għandu aktar minn minn sittax-il sena. Din il-miżura li tiswa €50 miljun, se tkompli fuq is-suċċess tal-iskema preċedenti bil-għan li tkompli ssaħħaħ is-suq intern u tistimula aktar l-ekonomija.
€60 mill-vouchers se jkunu jistgħu jissarfu għall-akkomodazzjoni, u ristoranti, filwaqt li €40 se jkunu jistgħu jissarfu fi ħwienet bħal dawk tal-ħwejjeġ jew inkella oħrajn li joffru servizzi bħal stilisti tax-xagħar.
Apparti l-għotjiet b’rabta mal-COVID-19 in-negozji se jkunu qed igawdu wkoll minn żieda fl-eżenzjoni fit-taxxa tal-VAT.
Wara li Gvern Laburista beda jinċentiva persuni li jkunu qed jixtru l-ewwel propjetà tagħhom, persuni eliġibbli għall-iskema tal-First Time Buyers se jkunu eżenti mit-taxxa tal-boll fuq l-ewwel €200,000 tal-prezz tal-propjetà li jkunu se jixtru.
Tul is-sena l-ġdida, li matula mistennija nirċievu l-vaċċin tal-COVID-19 bla ħlas, il-Gvern se jdaħħal ukoll żidiet fil-pensjonijiet. Filfatt tul l-elfejn u wieħed u għoxrin il-pensjonanti se jirċievu żieda ta’ ħames ewro fil-ġimgħa.
L-anzjani ‘l fuq minn sebgħin sena se jibbenefikaw ukoll minn servizz tal-linja b’xejn biex b’din il-miżura se jgawdu minnha mad-19,000 anzjan.
Erbgħin elf familja b’aktar minn sittin elf u ħames mitt tifel u tifla se jibdew jibbenefikaw minn żieda fiċ-Children’s Allowance.
Il-Gvern se jkun qed jagħti għotja sa massimu ta’ €1,000 biex itaffi mill-ispejjeż relatati mal-proċess tal-adozzjoni. Din l-għotja se tkun qed tagħti l-opportunità li dawk li jaddottaw tfal lokalment jibbenefikaw ukoll mill-għotja tal-adozzjoni.
Fl-istess waqt il-Gvern se jżid l-allowance għal tfal bil-Foster Care allowance b’€520 oħra fis-sena għal total ta’ €5,720.