“Li tgħid li Malta tista’ tkun l-aqwa fid-dinja huwa paroli vojt.” Hekk stqarr il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt intervista fuq NET FM il-Ħadd filgħodu.
Meta mistoqsi kif qed iħares lejn is-sena li ġejja għal pajjiżna huwa stqarr illi li tgħid li int kburi b’pajjiżek huwa kliem vojt.
“M’aħniex bnedmin li nitkellmu biss fl-arja, imma dawn il-‘cliches’ dawn il-ħafna “kburi’, dan il-ħafna perċezzjoni kollox tajjeb. Dawn huma kliem li fir-realtà huma kliem vojta. Hawn min jgħidlek, “irridu jkun l-aqwa fid-dinja.” Dan huwa paroli vojt.”
Bernard Grech dejjem żamm lura milli jgħid li huwa kburi b’pajjiżna, u filfatt ripetutament fuq ix-xandir qal li huwa jistħi jgħid li huwa Malti u li meta jsiefer iħobb jgħid li huwa Grieg.
“U ma nibżgħux inkunu msefrin, li sfortunatament sirt niddejjaq nagħmel jien u ngħidilhom jien minn Malta. Onestament Amy sirt inkun imsiefer, u peress li jien kunjomi Grech, meta jistaqsuni minn fejn inti, ngħidilhom li jien mill-Greċja, allura faċli nitwemmen. Mhux ċajta għax nistħi ngħidilhom li jien Malti.”
Fl-intervista l-Ħadd filgħodu, l-preżentatur fakkru li issa qed joqrob lejn l-għeluq tal-mitt jum tiegħu fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Mitt jum li fihom Bernard Grech għadu saħansitra lanqas ħabbar ix-Shadow Cabinet tiegħu.
Madankollu, meta mistoqsi dwar il-ħidma tiegħu s’issa, Grech stqarr biss li s’issa sar ħafna xogħol li ma jidhirx. Fuq ix-xogħol li issa ser ikun qed jagħmel, qal li fadallu iktar xogħol x’jagħmel, iżda li wkoll ma jidhirx.
“Inti t-tibdil, l-avvanz, ‘you don’t mark it with time’, mhux għandek għaxart’ ijiem, għandek mija, għandek mitejn. Pero iva nħares b’entużjażmu ‘l quddiem għaliex għamilna ħafna xogħol, ħafna xogħol li ma jidhirx, u għad fadal ħafna xogħol ieħor li ma jidhirx.”
Fi tmiem il-ġimgħa, li kienet ikkaraterizzata mill-manuvra li saret mill-istazzjon nazzjonalista sabiex ma jidhirx l-eks kap Nazzjonalista Adrian Delia jippreżenta donazzjoni lid-dar tal-Providenza, Bernard Grech stqarr li issa l-Grupp parlamentari Nazzjonalista huwa magħqud.
“Li hu żgur huwa li reġa’ għandna partit illi b’mod magħqud qiegħed jagħmel politika u qiegħed ukoll jaħdem flimkien, Grupp Parlamentari magħqud.”
Intant, fl-intervista Bernard Grech attakka lill-Prim Ministru li nforma lill-awtoritajiet hekk kif sar jaf bin-nuqqasijiet ta’ Bernard Grech fi ħlas ta’ taxxi u VAT. Dan hekk kif kien fid-dover li jagħmel bħala ċittadin Malti.
Bernard Grech ma semma xejn fuq il-fatt li għal snin twal ma ħallasx f’eluf ewro f’taxxa dovuta.
“Politiċi illi jimxu b’mod dilettantesk u kultant pwerili.”