Donazzjoni lid-Dar tal-Providenza reġgħet ħolqot ġlied kbir u ġdid fil-Partit Nazzjonalista bejn l-establishment Nazzjonalista u l-fazzjoni ta’ Adrian Delia.
Esponenti miż-żewġ naħat kitbu fuq il-midja soċjali jattakkaw lil xulxin.
L-Establishment Nazzjonalista, li kiseb mill-ġdid ir-riedni tal-partit u issa jinsab wara Bernard Grech, kellu esponenti tiegħu jfakkru fid-dellijiet fiskali ta’ Adrian Delia. Dan fi sfond li Delia mar fuq it-televiżjoni u f’isem Catco Group Capital Investment, ta għotja ta’ nofs miljun ewro lid-Dar tal-Providenza.
L-esponent tal-establishment u tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Godfrey Leone Ganado infexx jattakka lil Adrian Delia. Fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Leone Ganado li mhux l-ewwel darba ntuża biex jikteb kontra Delia, qajjem xi mistoqsijiet diretti lejn Delia. Wara li Delia ta d-donazzjoni lid-Dar tal-Providenza, Ganado staqsa jekk Delia għamilx il-verifiki meħtieġa.
Kiteb ukoll Wayne Hewitt li fi żmien il-Milied għajjar lil dawk ta’ Delia bħala erbat iqtates u anki sejħilhom bħala maħruqin. Hewitt qal li apparti li d-donazzjoni li ta Delia, mhiex flusu, huwa qed jiġi investigat. Dan b’referenza għall-fatt li d-Dar tal-Providenza se tivverifika d-donazzjoni mogħtija.
Mistoqsi minn persuna oħra jekk jaħsibx li l-flus mogħtija bħala donazzjoni humiex illegali, Hewitt kien pront u wieġeb li ma jieħu xejn bi kbir. Qal li Delia huwa investigat mill-FIAU fuq frodi u ħasil ta’ flus. Din il-materja ntużat mill-kampanja ta’ Bernard Grech kontra Adrian Delia fit-tellieqa għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Min-naħa l-oħra dawk favur Delia qed jgħidu li hu att tal-misħija li donazzjoni għal għan nobbli qed tintuża biex jiġi attakkat Adrian Delia.
Il-ġlied fuq id-donazzjonijiet li preżenta Adrian Delia kompla meta fl-ewwel jum tas-sena, xħin l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia flimkien man-nies viċin tiegħu mar jagħti għotja għad-Dar tal-Providenza, ix-xandira tal-istazzjon Nazzjonalista qatgħet biex ixxandar il-messaġġ tal-ewwel tas-sena tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Din il-mossa ma niżlet xejn tajjeb ma’ bosta li urtaw ruħhom li Delia nqata’ biex jidher Bernard Grech.