Malta hija t-tieni l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li sa issa laqqmet nies għal kontra l-Covid-19. Dan ħareġ minn informazzjoni dinjija li qed tiġbor l-ammonti ta’ nies li qed jieħdu l-vaċċin f’kull pajjiż. Pajjiżna jinsab wara d-Danimarka fl-ammonti ta’ tilqim tal-ewwel doża għall-Covid-19.
Sa issa, dan ix-xiber t’art huwa wkoll id-disa’ l-aktar pajjiż fid-dinja li laqqam nies kontra l-Coronavirus. Din l-informazzjoni ppubblikaha fuq twitter id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
#Malta at top end of global #COVID19 vaccination table. #InThisTogether #StaySafe pic.twitter.com/RzQYOdBiAf
— Chris Fearne (@chrisfearne) January 3, 2021
Pajjiżna beda jlaqqam l-ewwel persuni għall-Covid-19 il-Ħadd 27 ta’ Diċembru. Kienu l-ħaddiema tas-saħħa li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u anki fl-Isptar ġenerali t’Għawdex li ħadu l-vaċċin mal-ewwel.
Fl-ewwel jum tas-sena bdew jitlaqqmu n-nies anki fir-residenza San Vinċenz de Paul. Hemmhekk anzjana ta’ 94 sena kienet l-ewwel waħda li tlaqqmet għal kontra l-Covid-19.
Fis-7 ta’ Jannar se jibdew jintbagħtu l-ewwel ittri lill-pazjenti li għandhom iżjed minn ħamsa u tmenin sena. Pajjiżna se jirċievi sitt mitt elf doża tal-kumpanija BioNTech u Pfizer, mitt elf doża tal-kumpanija Moderna u miljun doża tal-AstraZeneca.