Is-sena li għadha kif bdiet se tfisser ġustizzja sħiħa mal-ħaddiema għall-festi misruqin, hekk kif il-budget għal din is-sena, effettivament se jimplimenta b’mod sħiħ il-wegħda elettorali li l-btajjel pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, jiġu kkumpensati b’żieda korrispondenti mal-leave ta’ kull ħaddiem.
Bil-miżura antisoċjali li kien daħħal il-Gvern ta’ Gonzi fl-elfejn u ħamsa, kull ħaddiem Malti u Għawdxi ittiħdulu aktar minn ħamsin ġurnata leave tul is-snin.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Josef Bugeja, spjega li l-unjin ħadmet sa mill-ewwel ġurnata biex tara li din l-inġustizzja, tiġi indirizzata.
Qal kif, “Kienet maqsuma fuq żewġ partijiet, fuq parti nazzjonali li ħadna sehem fil-protesti, morna l-Parlament, tkellimna, għidna li se jsir żball għax anki l-mod kif kienet daħlet l-emenda fil-liġi kienet totalment żbaljata fil-fatt, wara kien hemm ħafna diżgwid kif se jerġgħu jingħataw lura għal min jaħdem peress li kienu tneħħew biss bħala skop ta’ leave, però minbarra hekk, il-General Workers Union kienet marret l-ILO, kienet għamlet każ għax il-Gvern kien impona dak li ried hu anki f’dak li kien miftiehem fil-ftehim kollettiv u l-ILO kienet sabitu ħati tal-ksur ta’ waħda mir-rakkomandazzjonijiet tagħha biex jagħmel xi ħaġa li Gvern Nazzjonalista qatt ma kien pprova jirranġa.”
Gvern Laburista ħass l-obbligu morali li lill-ħaddiema jagħtihom dak li nsterqilhom inġustament, u fl-elfejn u sbatax kien wiegħed fil-Manifest Elettorali li l-btajjel pubbliċi li jaqgħu fi żmien il-ġimgħa, jiġu kkumpensati.
Tliet snin u nofs wara, Josef Bugeja jiddeskrivi l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura bħala rebħa għall-General Workers Union, u għall-ħaddiema kollha.
Spjega li, “Ovvjament il-ħaddiema huma kollha ferħanin li issa mhux dejjem ħa joqogħdu jistennew kull budget jekk hux se terġa’ tiżdied ġurnata, jekk hux se jerġgħu jittieħdu, jekk hux se jkollna nkwiet mal-employers għax kien hemm ħafna employers li ppruvaw ma jagħtuhomx fil-fatt konna erġajna għamilna emenda biex żgur jingħataw, u żgur li l-ħaddiema huma ferħanin għaliex ironikament waqt żmien ta’ pandemija, il-Gvern xorta ma qalx, isma’ le ħa nneħħi kollox u nerġa’ nżomm il-leave imma ta lil kulħadd dak li hu tiegħu u dak li kien wiegħed.”
B’hekk minn din is-sena, il-ħaddiema ngħataw garanzija li l-btajjel pubbliċi kollha li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, se jiżdiedu mal-ġranet tal-leave tagħhom, kull sena.