Is-solitudni fi żmien il-Milied hija pjaga soċjali li sfortunatament din is-sena sabet saħħa kbira mill-pandemija, hekk kif aktar persuni se jkunu kostretti jqattgħu dawn il-festi waħedhom biex ma jkunx hemm riskju ta’ firxa ta’ Coronavirus.
Marie-Noelle Lanzon, li hija uffiċjal għoli dwar il-kura tas-saħħa mentali tal-Fondazzjoni Richmond, spjegat li kulma jmur, aktar nies qed jitgħallmu dwar id-diversi realtajiet, kultant kiefra, li jeżistu anke fl-hekk imsejjaħ l-isbaħ żmien tas-sena.
Spjegat kif, “Hemm nies li m’għandhomx ma min iqattgħu l-Milied u huwa żmien partikolarment diffiċli għalihom. Din is-sena hemm nies li forsi qabel, fil-Milied ma kinux iħossuhom waħedhom, imma din is-sena se jqattgħuh waħedhom.”
Il-Fondazzjoni Richmond kienet fiċ-ċentru ta’ kampanja intensiva tul il-pandemija biex tħeġġeġ lil aktar persuni ifittxu l-għajnuna jekk iħossu li nħakmu minn xi kundizzjoni mentali jew dwejjaq kbar.
Filfatt il-helpline 1770 sar jopera għal erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Qalet li, “Dawn l-aħħar disa’ xhur, it-telefonati mill-pubbliku ammontat daqs it-tliet snin li għaddew. Din is-sena rċivejna erba’ darbiet aktar telefonati milli rċivejna s-sena l-oħra.”
Il-Fondazzjoni qed tħeġġeġ lil dawk li se jqattgħu żmien il-festi waħedhom biex jimlew ħinhom kemm jista’ jkun u biex jagħmlu użu mit-teknoloġija biex iżommu kuntatt.
Sostniet, “Aħna għandna servizzi fejn niggwidaw lill-klijenti kif jistgħu jkabbru ċ-ċirku soċjali tagħhom. Naraw jekk hemmx xi gruppi li jista’ jattendi, fejn wieħed jista’ jagħmel ftit ħbieb. Ovvjament din is-sena huwa kollox aktar limitat.”
Iżda għal dan, il-Fondazzjoni u anke l-klijenti, għandhom bżonn aktar għajnuna.
Qalet li, “Bħalissa għandna l-kampanja Gift of Therapy, fejn wieħed jista’ jagħti donazzjoni biex aħna nkomplu nagħtu l-għajnuna lil min ma jistax iħallas għaliha.”
Jekk tixtieq tagħti donazzjoni u tgħin persuni jiksbu aktar għajnuna, żur is-sit uffiċjali tal-Fondazzjoni.