Mal-aħbar li f’Malta wasal il-vaċċin kontra l-COVID-19, is-settur turistiku f’pajjiżna mill-ewwel beda jara ċaqliqa għax-xhur li ġejjin, partikolarment għas-Sajf tas-sena d-dieħla.
Żvela dan il-Kap Maniġerjali tal-Lukanda Excelsior fil-Furjana, Norbert Grixti, li ma’ dan l-istazzjon saħaq kemm il-vaċċin se jwassal lill-lukandi għal żmien aħjar.
Qal kif, “Il-vaċċin hija l-ewwel aħbar tajba li ħadna f’perjodu twil…. Allura qed nistennew bil-ħeġġa li jkun hemm riżultat pożittiv fuq il-vaċċin u kif appena beda jitqassam diġà bdejna naraw bookings fis-sajf.”
Is-Sur Grixti semma l-iskema ta’ ħlas ta’ pagi għall-ħaddiema li ta l-Gvern fil-pandemija, li grazzi għaliha, din il-lukanda ma keċċiet lanqas persuna waħda.
Spjega, “Nista’ nassigurak li kieku ma kinitx għall-għajnuna tal-Gvern speċjalment għall-wage supplement kieku ma hawnx lukanda waħda miftuħa għax impossibbli għax il-business waqaf għal kollox… għandna garanzija li dan se jibqa’ għaddej sal-aħħar ta’ Marzu u tagħmel kuraġġ aħna ma keċċejna lil ħadd.”
Semma wkoll it-tqassim tat-tieni round ta’ vouchers tal-mitt ewro, li mistennija jkomplu jgħinu lil dan is-settur.
Qal, “Issa għall-fatt li se jerġgħu joħorġu f’Jannar fl-aktar perjodu li normalment ma jkunx hawn business, dik se terġa’ tgħinna ħafna.”
Lis-Sur Grixti tkellimna miegħu waqt żjara li għamel fil-lukanda fl-aħħar jum tas-sena l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, li qal kif is-sena l-ġdida mistennija tkun ħafna aħjar għal-lukandi u l-kumplament tas-settur turisitku.
Spjega kif, “Aħna qegħdin naraw li s-sena 2021 tkun aħjar minn dik li ntemmet. Fil-qasam tat-Turiżmu jidher li għandna sinjali tajbin ħfna għaż-żmien li ġej. Il-vaċċin huwa importanti ħafna anke għalina bħala pajjiżn biex b’hekk inkunu nistgħu nerġgħu niftħu l-bibien tagħna u nilqgħu iżjed turisti lejn pajjiżna.”