Nicolai Azzopardi ta’ 36 sena li jgħix f’residenza għal nies bla saqaf fuq rashom wieġeb ħati għal akkużi relatati ta’ serq minn tliet stabbilimenti fl-inħawi tal-Imrieħel u ħ’Attard.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi spjegat li huma kienu qed jinvestigaw diversi serqiet minn stabbilimenti tax-xorb u l-ikel. Il-prosekuzzjoni kompliet tispjega li r-raġel ġie identifikat minn fuq filmati tal-kameras tas-sigurtá. Kien hawn x’ħin il-Maġistrat tal-Għassa ħareġ mandat t’arrest u sussegwentament ir-raġel ġie arrestat f’Birkirkara.
Waqt l-interogazzjoni huwa ammetta l-involviment tiegħu f’dawn it-tliet serqiet.
L-imputat li kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Anthony Bonnici wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih bl-avukat talab li jsir pre-sentencing report minħabba ċirkostanzi li għadda minnu l-imputat qabel m’għamel ir-reati. Kien hawn li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat sabiex huwa ma jkunx suġġett tal-ebda influwenza negattiva sakemm jinħareġ dan ir-rapport.
Il-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx li jsir dan ir-rapport u ma sabitx oġġezzjoni għall-ħelsien mill-arrest hekk kif l-imputat ammetta l-akkuża fi stadju bikri u l-imputat beda l-proċedura mal-Caritas sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga u mistenni jibda l-programm kontra l-vizzju tad-droga f’Jannar li ġej.
Madankollu l-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u baqa’ jinżamm fil-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin minħabba li m’għandux indirizz fiss u huwa wkoll reċediv.