Fis-sena tal-mitt anniversarju mit-twaqqif tal-Partit Laburista, ONE News tkellem ma’ Richard Matrenza, in-neputi ta’ wieħed mill-fundaturi tal-istess partit. Richard spjega l-istorja ta’ zijuh, Agostino Matrenza.
Irrimarka kif zijuh kien ukoll raġel tas-sengħa u minn dejjem kien jemmen fil-potenzjal tal-ħaddiem meta jingħaqad f’vuċi wieħed. Qal ukoll li hu kien wieħed minn dawk li ħadmu sabiex Malta tiġi mmexxija mill-Maltin
Matrenza spjega, “Nies bħal Agostino Matrenza, mhux għax Matrenza, imma anke l-oħrajn, li kienu marru u għamlu ‘La Camra del Lavoro’ li minnu ħarġet il-Partit Laburista, kieku Malta mhijiex dik li hi llum. Bis-saħħa tan-nies li għamlu l-pedament biex dal-pajjiż mhux biss jieħu r-riedni f’idejh u jmexxi lilu nnifsu, imma jagħti l-ġid lil kulħadd.”
Min-naħa tiegħu, Richard Matrenza, ftakar l-esperjenza tiegħu stess mal-Partit Laburista. Hu kien ilu attivist minn meta kellu tmintax –il sena. Fost l-oħrajn, ra revoluzzjonijiet sħaħ fil-qasam ta’ drittijiet soċjali frott tal-ħidma tal-Partit Laburista.
Hu qal, “Dan huwa l-messaġġ li jrid jiġi mfakkar. Dak li naraw mdawrana ma ġewx mix-xejn, ħadem għalihom il-Partit Laburista. Ħaddieħor, hu min hu, diskors għamel u paroli għamel imma l-fatti għamilhom il-Partit Laburista.”
Huwa sostna li waħda mill-aktar oqsma li żviluppa kemm f’pajjiżna, kif ukoll fil-Partit Laburista, kien hemm l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tan-nisa. Din hija biss waħda mill-bidliet progressivi li jikkaratterizzaw il-Partit Laburista, skont Matrenza.
“Ħa ngħidlek, jekk inti tħares, l-ewwel ministru li kellna mara għamilha l-Partit Laburista, is-Sinjura Agatha Barbara, li kienet l-ewwel President ukoll. Meta din ħarġet għall-elezzjoni għall-ewwel darba fis-sebgħa u erbgħin, kienet ħaġa li laqas tista’ timmaġinaha li mara toħroġ għall-politika u tagħmel il-ġid fl-edukazzjoni bħal kif għamlet ukoll fis-servizzi soċjali fis-sebgħinijiet. Dan li għamel il-Partit Laburista, bil-fatti mhux bil-kliem. Bil-fatti.” Temm jgħidilna Matrenza.