Hekk kif kważi tlesta x-xogħol fuq il-proġett tal-Junction tal-Marsa, issa Infrastruttura Malta bdiet tarma l-installazzjonijiet tal-arti tul it-toroq ewlenin.
Il-perit tal-proġett Raphael Abdilla spjega li apparti li riedet toħloq infrastruttura effiċjenti u sigura, Infrastruttura Malta rat li ssebbaħ iż-żona permezz ta’ proġett ta’ tħaddir u b’installazzjoni t’arti li tissimbolizza l-moviment.
Abdilla stqarr, “F’din l-aħħar ġimgħa bdejna ninstallaw dawn il-momumenti. Issa filfatt warajja hawn it-tieni monument li ġie installat bit-tema ta’ moviment.”
Kompla jispjega li dawn ġew installati tul il-passaġġ segregat li se jkun qed jintuża miċ-ċiklisti u n-nies pedonali.
Hu qal, “Huwa minnu li bdejna t-toroq u servizzi ġodda imma għamilna wkoll triq segregata għaċ-ċiklisti u hemm proġett ta’ landscaping li se jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.”
Id-disinji tax-xogħlijiet artistiċi intagħżlu minn fost sitta u ħamsin proposta li ġew sottomessi f’sejħa internazzjonali ta’ Infrastruttura Malta b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv. Sitta u tletin parteċipant kienu Maltin filwaqt li ġew sottomessi proposti minn seba’ pajjiżi oħra.