Din is-sena, il-pandemija jidher li ma xekklitx il-ħidma parlamentari hekk kif mill-Parlament Malti għaddew aktar liġijiet minn snin oħra.
Dan qalu ma’ ONE News l-iSpeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, meta ta ħarsa lejn l-2020 fejn tidħol il-ħidma tal-Parlament, li naturalment, il-maġġoranza tagħha spiċċat daret mal-bżonnijiet tal-pajjiż f’kuntest ta’ pandemija.
L-iSpeaker Farrugia stqarr, “Il-medja ta’ liġijiet huwa fost l-aqwa tlieta fl-Ewropa, u llum qegħdin l-ewwel post, għax għaddejna aktar minn 40 liġi f’sena waħda, u aktar minn 160 fil-leġiżlatura. Kellna wkoll emendi kostituzzjonali.”
Tul l-2020, is-17-il Kumitat Parlamentari baqa’ għaddej tul is-sena, u ma ntilfitx lanqas seduta waħda.
Hu kompla jgħid, “Il-Parlament baqa’ għaddej bl-aġenda tiegħu, il-konferenzi kollha li konna se nospitaw saru. Din l-aħħar ġimgħa għamilna xi webinars anke mal-Kungress Amerikan u mal-Commonwealth. Kull konferenza li kellha ssir, saret.”
Bejn Ġunju tal-2017 u Diċembru tal-2020 saru aktar minn erba’ mitt seduta Parlamentari, u għaddew ftit anqas minn 150 liġi. Dan apparti li kien hemm 12-il liġi li ġew approvati b’vot fi stadju tat-Tielet Qari.
L-iSpeaker Anġlu Farrugia kkummenta wkoll fuq ir-reputazzjoni tajba u r-rispett li jgawdi l-Parlament Malti barra minn xtutna, u li l-livelli li llum qed jopera bihom, kapaċi jinżammu għas-snin li ġejjin.
Hu qal, “Anke f’dak li hu rapport mal-Istituzzjonijiet Ewropej bħall-Parlament jew il-Kummissjoni, aħna qegħdin fost l-aqwa tlieta fl-Ewropa. La wasalna f’dak il-livell, jien konvint li se nżommuh anke fis-snin li ġejjin.”