Hekk kif bdew l-iskontijiet fuq diversi prodotti, il-konsumatur irid jogħqod attent ta’ xi jrid jixtri.
Id-Direttur tal-Informazzjoni u r-Riċerka fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Konsumatur, Odette Vella, li spjegat li qabel wieħed jixtri xi prodott dejjem għandu jħares lejn l-għażliet u l-prezzijiet fis-suq.
Sostniet kif wieħed dejjem għandu jiċċekkja li l-kundizzjoni tal-prodott ikun tajjeb u saħqet li kull konsumatur għandu d-drittijiet legali tiegħu.
Vella qalet, “Id-drittijiet legali tiegħu dejjem qegħdin hemmhekk, ma jinbidlux waqt is-sales, jiġifieri jekk huwa jixtri prodott wara ċertu żmien dan il-prodott ikollu xi difett partikolari dejjem jista’ jmur għand tal-ħanut biex jitlob li dan il-prodott jew jissewwa jew jinbidel, jew jekk jissewwa u ma jistax jinbidel jingħata l-flus lura wkoll.”
Fakkret ukoll li wieħed għandu jkun infurmat dwar il-prodott li se jixtri.
“Dejjem importanti li l-konsumatur jinforma lilu nnifsu, qabel ma jixtri prodott jistaqsi lil tal-ħanut jekk jistax jibdlu, sakemm għandu ċans jibdlu, f’liema kundizzjoni ħalli kemm jista’ jkun jevita l-problemi”, stqarret Vella.
Hekk kif minħabba l-pandemija żdied il-bejgħ online, Vella qalet kif bħala awtorità għamlet kampanja ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u obligi, kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-bejjiegħa.
Vella sostniet, “F’dan it-tip ta’ xiri, il-konsumatur għandu aktar protezzjoni u aħna aċċertajna li kemm il-konsumatur u kif il-bejjiegħ ikunu konxji ta’ dawn id-drittijiet legali li huma għandhom.”