Ta’ kull sena, id-Dar tal-Providenza ttella’ dramm fi żmien il-Milied bis-sehem tal-ħaddiema u r-residenti tal-istess dar, li din is-sena sar b’numru ta’ restrizzjonijiet.
Waħda mill-amministraturi tad-Dar tal-Providenza, Nadine Camilleri Cassano qalet li filwaqt li d-dramm iferraħ lil bosta residenti, is-saħħa tagħhom baqgħet l-ewwel prijorità.
Hija qaltilna: “Ovvjament ir-rehersals kellna nagħmluhom waqt li noqogħdu attenti għall-bubbles, ir-residenzi biex jiġu jarawha wkoll kellna nagħmlu ħafna iktar drabi biex kulħadd jibqa’ fil-bubble tar-residenza tagħhom. U din is-sena ma kinitx miftuħa għall-pubbliku u l-istaff l-ieħor.”
Wieħed mill-atturi ta’ dan id-dramm huwa Kris Gregory.
Kris huwa resident tad-Dar tal-Providenza u qal li din il-kummiedja kienet l-hena tiegħu għaliex iħobb iferraħ lil sħabu r-residenti.
Huwa stqarr: “Ħafna u għamilna suċċess, kienet esperjenza u l-ewwel darba. Fil-‘play’ iltqajt ma’ kulħadd. Ngħidilhom ħaqqna proset ħafna.”
Kris appella biex fl-ewwel ta’ Jannar, it-telespettaturi jagħtu li jistgħu fil-maratona ġbir ta’ fondi għad-Dar tal-Providenza.