Hekk kif nhar l-24 ta’ Diċembru tħabbar li ntlaħaq qbil għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, inbdew il-preparamenti neċessarji, kemm fuq livell Ewropew u anke fuq livell nazzjonali, sabiex jiġu approvati il-ftehimiet u jidħlu fis-seħħ b’mod proviżorju mill-ewwel ta’ Jannar.
Hekk kif iż-żmien tal-perjodu tranżitorju kien ser jiskadi fl-aħħar tas-sena, dan ifisser li permezz ta’ dan il-qbil, ġiet eliminata l-possibbiltà li jkun hemm perjodu li fih ir-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet ma tkunx regolata u għaldaqstant ġew evitati bosta riperkussjonijiet li setgħu iħallu impatt ferm negattiv fuq in-negozji u ċ-ċittadini.
Il-Gvern Malti kien qiegħed isegwi mill-qrib l-iżviluppi li seħħew matul dawn l-aħħar jiem, u pparteċipa b’mod sħiħ fil-proċessi fuq livell ta’ Unjoni Ewropea sabiex jiġu approvati il-ftehimiet li ntlaħqu mar-Renju Unit.
Minnufih il-Gvern Malti beda jħejji wkoll l-istrutturi tiegħu sabiex ikunu preparati għat-tibdil li hu mistenni bl-implementazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif issa ntlaħaq qbil wara xhur ta’ negozjati intensivi, liema negozjati kienu kkaratterizzati minn nuqqas ta’ qbil fuq kwistjonijiet ta’ natura politika sensittiva, partikolarment dwar is-sajd, il-governanza u r-regoli li jiggarantixxu relazzjoni kummerċjali ġusta u bbilanċjata għal wara l-1 ta’ Jannar, meta r-Renju Unit formalment ma jibqax parti mis-Suq Uniku tal-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-ftehim jirragwardja l-qasam tal-kummerċ, is-sigurtà kif ukoll dak li għandu x’jaqsam mal-enerġija nukleari.
Fost diversi affarijiet importanti li ġew maqbula hemm li mill-1 ta’ Jannar il-kummerċ bejn l-istati membri tal-Unjoni u r-Renju Unit ser isir mingħajr ebda tariffi u kwoti fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni. Barra minn hekk, permezz ta’ dan il-qbil, ser tiġi assigurata wkoll il-konnettività bejn it-teritorji taż-żewġ partijiet, kemm bl-ajru kif ukoll bl-art, filwaqt li ser ikun hemm ukoll kooperazzjoni fuq is-sigurtà.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi stqarr: “L-aktar focus li hemm huwa dak li għandu x’jaqsam mal-qasam tal-kummerċ, fejn hemmhekk wieħed jista’ jsemmi li ntlaħaq ftehim li l-prodotti ta’ żewġ naħat, jiġifieri tal-Unjoni Ewropea lejn ir-Renju Unit u tar-Renju Unit lejn l-Unjoni Ewropea jiċċaqalqu mingħajr ma jkun hemm kwoti u mingħajr tariffi.”
Minkejja dan il-qbil, mhux kollox mitmum għaliex dawn il-ftehimiet t’aktar minn elf u mitejn faċċata għad iridu jiġu approvati minn kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew u mill-Parlament tar-Renju Unit.
Huwa spjega li fiż-żmien li ġej ser tkun qed tkompli titwassal aktar informazzjoni dwar dak li ġie maqbul u l-implementazzjoni ta’ dan il-qbil, sabiex kulħadd ikun konxju mill-bidliet li ser jaffettwaw kemm lin-negozji u kif ukoll liċ-ċittadini.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi sostna: “Il-Gvern anke fl-istennija kien għamel u wettaq kampanja ta’ informazzjoni estensiva u bl-istess mod irridu flimkien anke ma stakeholders involuti nagħmlu diskussjonijiet u nwasslu l-informazzjoni ħalli kulħadd ikun konxju dwar kif se ikun implimentat u l-effetti kollha ta’ dan il-ftehim.”