Jumejn wara l-Milied ta’ sebgħa u tletin sena ilu, il-Papa San Ġwanni Pawlu II għall-għarrieda mar iżur lil Ali Agca fil-ħabs, ir-raġel li f’Mejju ta’ sentejn qabel, kien spara lejn il-papa tant maħbub fil-Pjazza tal-Vatikan.
ONE News tkellem mal-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede Frank Zammit li qal li din kienet it-tielet darba li l-Papa San Ġwanni Pawlu II ħafer lil min ipprova joqtlu.
Zammit spjega: “L-ewwel darba ddikjara meta kien sejjer bl-ambulanza, ferut għall-mewt lejn il-polyclinic. Dakinhar dar lejn is-Segretarju tiegħu qallu li diġà kien ħafer lill-agressur tiegħu. Reġa’ ddikjara l-maħfra, ftit wara l-operazzjoni, wara li kien beda l-vjaġġ lejn il-fejqan tiegħu mit-tieqa tal-isptar Gemelli. Imbagħad sentejn wara reġa’ ddikjara l-maħfra tiegħu wara li kien mar iżuru.”
Frank Zammit irrakkonta ma’ ONE News ġrajja li kienet seħħet qabel dan l-attentat li ħasad id-dinja.
Huwa qalilna: “Kienu żanżnu ambulanza u nieżel il-Papa jberiekha. Kien daħal fiha u għamel żmien jitlob, għamel żmien mhux ħażin jitlob. Tant li meta ħareġ minnha s-Segretarju ġibidlu l-attenzjoni u li kien waqa’ lura bll-appuntamenti. Ħares lejh jiġifieri mhux bid-daħqa, qallu m’għandiex nitlob għall-ewwel pazjent li ħa jżuha. L-ewwel pazjent li użaha kien l-għada, l-istess Papa, wara li t-terrorista Tork kien sparalu.”