Renald Borg, raġel ta’ 47 sena, għeleb il-vizzju tax-xorb wara snin twal ta’ sfidi ma jaqtgħu xejn.
Ma’ ONE News, Renald qalilna li issa ilu erbatax-il sena ma jmiss mal-alkoħol u qalilna li biex bniedem jirbaħ il-battalja kontra dan il-vizzju, irid jagħraf u jaċċetta li għandu problema.
Huwa qal, “U għamilt perjodu kważi ta’ xi għoxrin sena sejjer hekk nixrob u ma kontx ngħid li għandi problema jien għax jien kont nassoċjah ix-xorb, anke tmur tħabbat lil xi ħadd jgħidlek niftaħlek flixkun birra, nagħmillek tazza nbid anke tmur il-quddies issib l-inbid, jien ma kontx ngħid li hi problema sakemm fl-aħħar bdew ġejjin il-problemi hux.”
Renald kompla jgħidilna kif matul is-snin pprova joħroġ mill-vizzju, imma t-triq ma kinitx faċli: “Waħdek ma tagħmiliex żgur. Provajt nagħmilha waħdi biddilt il-ħinijiet tax-xorb, flok nixrob l-birra kont nixrob l-inbid, flok nixrob l-inbid nixrob il-birra, bdejt nbiddel eżempju ma kontx nixrob filgħodu kont nixrob filgħaxija imma xorta kont nisker għax jien bl-ewwel wieħed nisker mhux bl-aħħar wieħed nisker għax xħin mmissu m’hemmx ħinijiet. Meta kont ġuvni kien hemm ħanut ħdejna fl-erbgħa ta’ filgħodu jiftaħ kont nistennieh biex immur nixtri l-inbid.”
Renald qalilna li minkejja li issa ilu 14-il sena ma jixrob, il-problema tal-alkoħol serqitlu parti kbira minn ħajtu.
Huwa tenna: “Jiena jekk issaqsini kemm għandi żmien mhux fourty seven ħa nagħlaq 15-il sena imma jien għadni marid sal-lum bil-problema tal-alkoħol. Jiena qisni għandi ferita jekk ma tieħux ħsieba ħa tikbirlek. Jiena għandi tikka, bozza ħamra u dik dejjem mixgħula, din il-bozza ħamra. Tgħidli għala? Biex ma mmurx nerġa għall-alkoħol imma hekk ma tieħux ħsieba l-ferita ħa tikber.”
Huwa rringrazzja lil kull min kien parti mill-vjaġġ tiegħu biex għeleb il-vizzju, u appella biex ħadd ma jġib skuża bil-festi u jixrob bl-addoċċ.
Fl-istess waqt ħeġġeġ lil min jaħseb li għandu problema bix-xorb biex isib il-kuraġġ u jfittex l-għajnuna.