L-ewwel Milied dinjituż.
Hekk jista’ jkun deskritt il-Milied tas-sena elfejn u għoxrin għal Paul Tabone u Graziella Bonello, li wara snin jgħixu f’kerrejja fil-Belt, ingħataw appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Furjana.
Fl-appartament il-ġdid fejn qattgħu dan il-Milied, il-koppja qaltilna li għall-ewwel darba setgħu jarmaw flimkien mas-sebat ulied tagħhom.
Qalulna li kollha taw sehemhom, mill-kbir li għandu erbatax-il sena, u ż-żgħira li ħa tagħlaq sentejn. Fost l-oħrajn, flimkien bnew u ramaw presepju tal-kartapesta.
Qal kif, “Qed inħossuna ħafna aħjar għax post ikbar u armajna flimkien għax qabel meta konna noqogħdu l-Belt ma kellniex dik il-ħaġa tal-Milied li nistgħu nżejnu, illum post sabiħ ġejna noqogħdu fih, kuntenti li armajna flimkien u ħa nqattgħu l-Milied bejn il-familja kif suppost bħal ħaddieħor.”
Ftit tax-xhur ilu, Graziella ħadet l-aħbar li għandha marda rari, u qed tistenna biex fi Frar li ġej, tagħmel operazzjoni.
Spjegat, “Din l-aħbar kienet naqra kerha imma qisek waħda teħodha kerha u waħda teħodha sabiħa u din l-aħbar tal-post għall-inqas, minix moħħni fl-operazzjoni u x’jista’ jiġri jekk mhux ha nqum minnha, qisha ħadt aħbar tajba ma’ waħda kerha.”
Il-familja spjegat kif huma wkoll intlaqtu mill-pandemija tal-COVID-19, hekk kif il-missier tilef xogħlu wara li kellu inċident bil-karozza imbagħad faqqgħet l-imxija.
Imma kif jgħid il-Malti, wara l-maltemp jiġi l-bnazzi, u hekk kienet l-aħbar ta’ appartament ġdid għal din il-familja, li wara snin jgħixu f’żewġt ikmamar fejn it-tfal kienu jorqdu fil-kċina u kien hemm kamra tal-banju żgħira bla dinjità ta’ xejn għal disa’ persuni, fl-aħħar xhur setgħu jgħixu f’post ikbar u aktar komdu, meta t-tfal ma kinux qed imorru skola.
Qalet, “Għall-ewwel bżajt peress li għandi uħud mit-tfal vulnerabbli imma issa qed nara li m’hemmx riskju fl-iskejjel allura ddeċidejna li aħjar imorru l-iskola milli online lessons għax hemmhekk jitgħallmu aħjar.”
Hekk kif dan il-Milied kien differenti għal kulħadd, u ħafna familji ma nġabrux flimkien biex jipproteġu lil xulxin, Paul jittama li l-Milied tas-sena d-dieħla jkunu jistgħu jiltaqgħu kollha flimkien f’post akbar u dinjituż.
Spjega, “Dis-sena ħa ngawduh naqra differenti mis-soltu u jekk il-Bambin iżommna ħajjin kollha, nixtieq li l-Milied inqattgħuh ċelebrazzjoni bejn il-familja għax illum mhux ħa nqattgħuh mal-familja, qabel kienu jiġu ommi u ħuti imma dis-sena le, forsi s-sena d-dieħla forsi nfiequ mill-COVID u ningħaqdu hawnhekk, mid-dar il-kerha niltaqgħu fid-dar is-sabiħa.”