Żmien il-Milied huwa żmien li ħafna jkunu qed jistennewh bil-ħerqa għaliex miegħu jġib ħafna ferħ u għaqda għal bosta familji.
Iżda kif oriġina il-Milied?
Il-Milied oriġina minn tradizzjoni li kienet ċċelebrata mir-Rumani.
Ir-Rumani kienu jiċċelebraw festa kbira ddedikata għas-solstizju tax-xitwa fejn il-lejl tal-Milied kien jkun l-itwal lejl tas-sena.
F’kumment ma’ din il-kamra tal-aħbarjiet, l-istoriku Mario Coleiro, qalilna li meta mbagħad ir-Rumani saru nsara, din il-festa bidlet is-sinifikat tagħha.
Qal kif, “F’dan il-perjodu tas-sena, jiġifieri s-solstizju tax-xitwa, fiż-żmien l-imperu Ruman kienet tiġi ċċelebrata festa kbira. Meta mbagħad ġie l-Kristjaneżmu l-imperu Ruman u dawn il-festi inqalbu għall-Kristjani, l-ħamsa u għoxrin ta’ Diċembru ġiet magħżula l-ġurnata tat-twelid ta’ Ġesù Kristu”
Is-Sur Coleiro spjegalna kif f’pajjiżna, il-Milied dejjem kien jiġi ċċelebrat iżda maż-żmien hekk kif konna maħkumin minn ġnus differenti bdew deħlin tradizzjonijiet iżjed moderni. Hu qalilna kif qabel ma ħakmu artna l-Ingliżi, il-Maltin ma kinux jarmaw is-siġra tal-Milied fi djarhom.
Barra minn hekk, semma tradizjonijiet sbieħ oħrajn li oriġinaw mill-ħakkiema.
Qal “Il-famużi snowman u father Christmas huma kollha verżjonijiet barranin. Eżempju Santa Klaws hija l-verżjoni ta’ San Nikola pero’ fl-Ewropa Nordika allura filwaqt li f’Malta konna niċċelebraw lil San Nikola fil-bidu ta’ Diċembru, li kien dak il-bniedem li kien jqassam ir-rigali mbagħad dan fit-Tramuntana tal-Ewropa żviluppa f’Santa Klaws u llum il-ġurnata iktar nafuh b’Santa Klaws milli bħala San Nikola”
Lil hinn minn dawn it-tradizzjonijiet moderni, waħda miż-żewġ tradizzjonijiet sinifikanti, li għadhom jiġu iċċelebrati sal-lum, hija il-figura ta’ Ġesù Bambin bħala l-qalb prinċipali tat-tiżjin,
Spjega, “Il-Bambini kienu jagħmluhom mix-xemgħa fil-passat u kienu waħda mill-iktar affarjiet li jintramaw fi żmien il-Milied u imbagħad bil-mod wara li San Franġisk f’Assissi kien għamel l-ewwel presepju beda dieħel il-presepju wkoll li f’pajjiżna żviluppajna presepju li hu Malti u fil-presepju Malti naraw il-pasturi libsin ta’ kif kienu jilbsu fil-passat il-Maltin.”
Iżda fin-natura tagħha, il-festa tal-Milied għandha l-iżjed sinifikat għall-knisja f’pajjiżna fejn naraw li l-kalendarju tal-knisja jdur mat-twieled ta’ Kristu.