Matul din is-sena, il-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati taw l-aqwa prova ta’ kemm huma reżiljenti f’xogħolhom, minkejja l-isfidi li affaċċjaw.
Dan kliem il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, li f’Jum il-Milied żar lill-ħaddiema tal-korpi dixxplinati u raddilhom ħajr tax-xogħol li jagħmlu biex iħarsu s-sigurtà tal-Maltin u tal-Għawdxin.
Il-Ministru Camilleri żar l-għassa tal-pulizija f’Raħal Ġdid, iċ-ċentru tal-operazzjonijiet tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Luqa, il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-istazzjon tat-tifi tan-nar tal-istess żona.
Huwa qal li jinsab kburi b’dawn il-ħaddiema u saħaq kif il-Gvern qed jagħmel l-almu kollu biex jgħinhom.
Qal kif, “Ħadt pjaċir niddiskuti magħhom dwar is-sena, l-isfidi li ġabet magħha kif ukoll investimenti li għamilna bħala Gvern fil-korpi dixxiplinati tagħna. Fosthom mhux biss fil-makkinarju li huma jużaw imma investiment fil-ħaddiem illi diversi ħaddiema tajnihom diversi żidiet fis-salarji u fil-kundizzjonijiet tagħhom.”
Il-Ministru Byron Camilleri semma kif bħal dawk li żar hu, hemm eluf ta’ ħaddiema oħra f’setturi differenti, bħal dawk li jaħdmu f’servizzi ta’ detenzjoni u l-AWAS, li wkoll m’għandhomx festi.