Is-sena d-dieħla għandna nħarsu lejha b’tama u nkunu ta’ spalla għal xulxin, kif konna matul din is-sena.
Dan qalu l-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles Scicluna f’messaġġ għal Jum il-Milied.
Qal kif, “Fis-sena li ġejja, li lkoll qed inħarsu lejha b’tama kbira, hemm bżonn li nkunu xhieda – bħalma għamilna f’dawn l-aħħar xhur – tal-għożża li għandna għal xulxin. Hemm bżonn nikkooperaw mal-awtoritajiet tas-saħħa għax din hija espressjoni tal-imħabba konkreta.”
Il-Monsinjur Scicluna appella lil dawk li jistgħu jieħdu l-vaċċin sabiex nipproteġu lil xulxin.
Semma’ kemm huwa importanti li nifhmu dak kollu li tgħallimna f’dawn l-aħħar xhur.
Spjega li, “Kemm hemm affarijiet għeżież li forsi ċċaħħadna minnhom u sibna t-tifsira vera tagħha bħalma hi t-tgħanniqa bejn il-maħbubin u bejn il-ħbieb – li d-distanza soċjali ċaħħditna minnha – imma wkoll il-possibiltà li nżuru lill-għeżież tagħna, b’mod speċjali l-anzjani tagħna.”
L-Arċisqof ta’ Malta qal kif meta aħna nħarsu lejn il-presepju nifhmu li anke għal Marija u Ġużeppi l-ħajja ma kinitx biss ward u żahar imma kienet ukoll sfida bħalma hi għal ħafna minnha.
Huwa faħħar lill-ħaddiema tal-ħaddiema tas-saħħa, li kienu min ta’ quddiem u kif huwa għandu messaġġ ta’ tama għall-poplu Malti.
Qal, “Il-kelma tiegħi hija kelma ta’ tama għall-poplu tagħna, kelma u tħeġġiġa biex aħna nkomplu naħdmu flimkien għall-ġid ta’ kulħadd. Il-ħsieb tiegħi wkjoll imur lejn tant nies li jistgħu biss isegwu l-quddiesa ta’ kuljum permezz tat-trażmissjonijiet li għamilna matul din is-sena.”