Pastur tradizzjonali tat-tafal liebes maskla ma’ wiċċu u iżomm sanitizer f’idu, din is-sena daħħal fil-qalba tal-presepju tipiku Malti.
L-iskultur Karkariż Pawlu Muscat spjega li minn tà żgħira beda jġemma’ l-pasturi minn madwar id-dinja, iżda bi sfortuna induna li l-pasturi lokali kienu qed jonqsu.
Minn hemm beda jaħdem il-pasturi tipiċi Maltin bit-tafal, u kull sena jagħmel sett oriġinali ta’ pasturi li jagħmlu l-presepju ħaj u realistiku.
Huwa fisser: “Ridt noħloq dik xi ħaġa illi tkompli tispirana nimxu ma’ liġijiet u nagħmluhom fil-presepju biex inkomplu ninsistu li kulħadd jissenitizza idejh u jilbes il-maskla ħalli ngħaddu malajr kemm jista’ jkun minn din il-pandemija.”
Meta żorna lil Pawlu u lill-martu fil-ħanut tagħhom, spjegalna l-proċess kif jaħdem il-pasturi.
Huwa qalilna: “L-ewwel għandek il-forma tal-pastur tradizzjonali Malti u l-forma hija mingħajr idejh biex inkun nista’ nużaha għal diversi pasturi differenti. Nippressa t-tafal f’forma mbagħad inneħħih biex nagħmel il-forma tal-pastur u minn hemm nibda nżid idejh u aċċessorji.”
Id-domanda għal figuri tradizzjonali tat-tafal naqset iżda l-kreattività u l-passjoni ta’ Muscat żdiedet biex iżomm din it-tradizzjoni ħajja.
Pawlu tenna: “Indunajt li l-pasturi Maltin ma baqgħux jinbiegħu fis-suq, u bdejt nipprova nagħmel sett ta’ pasturi għalija. Fil-fatt għad għandi. Imbagħad minn hemm hekk bdiet il-ħajra biex inkomplu nżommu t-tradizzjoni Maltija.