It-tempji f’pajjiżna jkunu l-iktar armati għall-festa tal-patrun fis-Sajf, madankollu din is-sena il-knisja tas-Siġġiewi tinsab armata bl-armar kollu tal-festa ta’ San Nikola għall-festa tal-Milied.
ONE News żar il-knisja ddedikata għall-qaddis wara l-karattru ta’ Santa Klaws fejn hemmhekk sibna lis-Sagristan Carlos Borg għaddej b’ħidma ta’ manutenzjoni fil-knisja. Dan spjega kif wara n-nuqqas tal-festa tas-Sajf, fis-Siġġiewi kien hemm għatx kbir fost il-parruċċani biex jerġgħu jaraw il-knisja armata għall-festa u għalhekk huwa rema l-knisja bl-aħjar mod għall-festa ta’ San Nikola tax-Xitwa li tiġi ċċelebrata qrib sew tal-Milied, fis-6 ta’ Diċembru.
Qal kif, “Li tara t-tempju tiegħek armat huwa l-ors tiegħek u ta’ kulħadd, u tal-poplu tas-Siġġiewi kollu, imma li huwa tajjeb li ħareġ ir-riżultat li kulħadd ħa pjaċir fil-festa u li kienet iffukata wkoll qisha fuq il-knisja, li kienet armata kważi daqs il-festa tas-Sajf u imbgħad li ħallejna, ħallejt id-damask u ħallejt kollox armat għall-Milied li hija festa li tiġi viċin San Nikola hux.”
Stqarr li d-dehra tal-knisja armata tnissel fih sodisfazzjon kbir u sens ta’ kburija f’xogħlu bħala Sagristan.
Qal, “Is-sodisfazzjon huwa li inti x’ħin taraha armata, dak huwa s-sodisfazzjon tiegħi. Huwa x-xogħol tiegħi hux jiġifieri dak li nkun qed nistenna sena sħiħa, u din is-sena wara sena u nofs jiġi qisu ma tkunx armata hux.”
L-Arċipriet tal-parroċċa tas-Siġġiewi, Josef Mifsud spjega kif din is-sena kien hemm bżonn isiru tħejjijiet kbar loġistiċi għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied sabiex isiru b’mod sigur fid-dawl tal-pandemija. Spjega kif lejlet il-Milied il-parroċċa tas-Siġġiewi żiedet l-ammont ta’ quddies, b’quddiesa ġdida ddedikata għat-tfal li l-postijiet għaliha ġew ibbukjati mill-ewwel. Dan filwaqt li saru wkoll arranġamenti oħrajn.
Spjega li, “ Żdiedu fil-każ tagħna, monitors fil-ġnub tal-knisja biex ikunu jistgħu joqogħdu iżjed nies bil-qiegħda. Ġiet esplorata l-possibilitá, quddiesa minnhom saret permezz ta’ ‘booking’ uwekk, biex niżguraw li ma jkunx hemm nies li joħorġu diżappuntati u imtliet mill-ewwel. Quddies oħra saħħaħna s-sistema ta’ ushering. Ser ikun hemm numru mhux ħażin ta’ ‘ushers’ uwekk.
Huwa temm jinnota kif għalkemm din il-pandemija waqfitna milli niltaqgħu flimkien fi gruppi kbar, jinħass sew il-fatt li żdiedet xi ftit l-istennija u l-eċitament għal din il-festa Kattolika. Stqarr kif il-pandemija setgħet wasslet sabiex in-nies jiffukaw iżjed fuq il-qofol ta’ din il-festa, it-twelid ta’ Ġesù Bambin.
Qal, “Forsi din is-sena qed tatina l-opportunitá niffukaw iżjed fuq dak li hu iżjed essenzjali. Forsi naqqasna xi ftit xinxilli li forsi ġieli kienu xi ftit żejda.”