Jeremy Cardona, kunsillier Nazzjonalista tal-Gżira, l-istess lokalità li kien jirrappreżenta Wayne Hewitt, qed jitlob lill-Partit Nazzjonalista biex jiddistakka ruħu mill-kummenti ta’ Hewitt li għajjar lil dawk ta’ Delia bħala erbat iqtates u anki sejħilhom bħala maħruqin.
Jeremy Cardona kiteb fuq facebook u talab lil Kap Bernard Grech, lil Viċi Kap David Agius u anki lis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech biex jiddistakkaw ruħhom.
Cardona qal li Wayne Hewitt mhu xejn fil-Partit Nazzjonalista.
Intant l-attivist Nazzjonalist John Borg kiteb lil Francis Zammit Dimech fejn talbu biex jissospendi lil Wayne Hewitt li sejjaħlu bħala bniedem vojt.
Borg qal li Zammit Dimech huwa beżżiegħ u mhux se jkeċċi lil Hewitt.
Intant nies leali lejn Delia, li rriżenjaw mill-Partit Nazzjonalista fosthom anki ma baqgħux Kunsilliera jirrappreżentaw lil partit immexxi minn Bernard Grech kitbu wkoll dwar dak li qal Hewitt.
Fost dawn kien hemm Doriana Portelli li qalet li ħadet promozzjoni u minn ġurdien saret qattus.
Dan b’referenza għal dak li kienet għajritha l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li tinsab wara Bernard Grech.
Horace Portelli imbagħad kiteb li hu kburi li hu qattus u b’mod sarkastiku qal lil Hewitt li kexkxu filwaqt li sejjaħlu bħala sur tużżana voti.
Dan b’referenza għall-prestazzjoni fqira li kellu Hewitt fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Wayne Hewitt huwa magħruf kemm hu viċin it-tmexxija ta’ Bernard Grech fil-Partit Nazzjonalista u ħadem kemm felaħ biex jitwarrab Adrian Delia minn Kap tal-partit.
Sa issa Bernard Grech baqa’ sieket u bosta qed iqisu dan bħala mod kif qed jagħti r-riħ lil Wayne Hewitt biex ikompli jippersegwita lill-fazzjoni ta’ Delia li għad għandha preżenza fil-Partit Nazzjonalista.