Mara ngħatat il-ħelsien mill-arrest wara li hi u raġel ġew mixlija b’serq hekk kif allegatament il-mara pruvat tipprostitwixxi lilha nnifisha.
Fil-Qorti ntqal li fil-lejl tal-ħmistax ta’ Novembru, allegatament, Dalaya Zammit rikbet f’karozza tal-vittma bi skop ta’ prostituzzjoni.
Skont il-vittma, Zammit qaltlu biex isuq fi triq imwarrba fl-Imsida, fejn minnufih ftit wara l-imputat l-ieħor, Felice Costantino allegatament fetaħ il-bieba tal-karozza u poġġa sikkina ma’ għonq il-vittma u qallu biex itih dak kollu li għandu fuqu.
L-imputati allegatament ħadu ġiżirana tad-deheb minn għonq il-vittma kif ukoll serqu ħamsa u għoxrin ewro, mobile u ċ-ċwievet tal-karozza tal-vittma. Dawn allegatament ħarbu minn fuq il-post fejn dehru minn diversi kameras tas-sigurtà.
Meta ġew identifikati l-imputati, ġew eżaminati l-mobiles tagħhom, fejn instabu messaġġi u ritratti tagħhom li ttieħdu dakinhar tar-reat.
Instabu wkoll screenshots li juru l-valur tad-deheb f’Malta.
Zammit qalet li l-klijent tagħha kien vjolenti u għalhekk ċemplet lil Felice sabiex jiġi jgħinha.
Zammit ingħatat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ elfejn ewro u garanzija personali ta’ tminn t’elef ewro. Hija mitluba wkoll tiffirma kuljum fl-għassa tal-Belt u li ma toħroġx mid-dar ta’ ommha bejn it-tmienja ta’ filghaxija u s-sebgha ta’ filghodu fost kundizzjonijiet oħra.