Il-qgħad f’pajjiżna fix-xahar ta’ Novembru reġa’ naqas u issa jinsab taħt it-tlett elef.
Dan skont statistika uffiċjali maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO.
Fil-fatt f’Novembru n-numru ta’ nies qiegħda kien ta’ elfejn tmien mija tmienja u disgħin persuna.
Dan ifisser mitejn u sittax-il persuna inqas mix-xahar ta’ Ottubru.
Il-qgħad ilu jonqos mix-xahar ta’ Ġunju wara li kienet faqqgħet il-pandemija.
Dan ifisser li għas-sitt xahar konsekuttiv naqas il-qgħad.
Filwaqt li f’Mejju l-ammont ta’ nies jirreġistraw kien ta’ erbat elef, erba’ mija u disgħa, sal-aħħar ta’ Novembru n-numru ta’ dawk ifittxu xogħol naqas b’aktar minn elf u ħames mitt persuna.
F’Ġunju, wara li l-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, il-qgħad kien diġà niżel bi kważi mija u erbgħin persuna.
F’Lulju, bit-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq is-settur turistiku, il-qgħad niżel bi kważi mitejn u disgħin.
Dan filwaqt li f’Awwissu reġa’ naqas il-qgħad bi ftit aktar minn tliet mitt persuna.
F’Ottubru wkoll, għall-ħames xahar konsekuttiv, Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.
Intant fuq twitter, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li għall-ewwel darba waqt il-pandemija, il-qgħad f’pajjiżna naqas taħt it-tlett elef.
Saħaq li l-politika tal-Gvern qed tkompli tagħmel id-differenza f’ħajjet in-nies.
For the first time since the #pandemic the number of those registering for #work has fallen below 3000. Our policies are continuing to make a real difference to people’s #lives – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) December 23, 2020