F’intervista mxandra fuq il-programm Follow-Up fuq ONE, il-President ta’ Malta George Vella tkellem fuq diversi temi li ħabbat wiċċu magħhom tul dawn l-aħħar sena u nofs li ilu bħala l-Kap tal-Istat Malti.
Il-President Vella beda b’diskussjoni dwar il-pandemija fejn sostna b’mod speċjali fuq teħid tal-vaċċin malli l-awtoritajiet jibdew ilaqqmu lill-pubbliku.
Huwa stqarr: “Jekk joffruhieli l-ewwel wieħed li noħodha, noħodha. Meta inti għandek tilqima prodotta minn, kollha kemm huma biex ngħidu hekk, laboratorji ta’ ċertu fama mbagħad għandek l-awtorità Ewropea tal-Mediċini li qed tirrakomandalek li tittieħed għax saru l-istudji fuqha. Kif tista’ dak li jkun tgħidlu ma joħodhiex.”
Dr Vella tkellem ukoll dwar il-Covid Wage Supplement li fissru bħala mitqlu deheb għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Il-President Vella sostna: “Il-kumpaniji l-kbar, tmur għandhom u jgħidlek, ‘isma ma tafx li l-bejgħ tagħna niżlu 50% jew 60%’. L-intrapriżi medji, dak li huwa negozjant u għandu negozju għaddej li kien kapaċi jagħtik donazzjoni qabel u llum jgħidlek, ‘isma ma tafx li x-xogħol tagħna naqas’. Imbagħad għandek il-ħaddiema, illi dawn, jien ħa ngħid li ma kienx il-Wage Supplement li ħareġ il-Gvern u dan ngħidu bl-ebda propaganda, huwa fatt li dan salva ħafna ħafna postijiet tax-xogħol.”
Meta kien mistoqsi fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, il-President George Vella tenna li l-għajta Maltija dejjem kienet waħda t’għajnuna u solidarjetà.
Dr Vella qal: “Il-messaġġ tagħna dejjem kien bħalma kien tal-Greċja, bħalma kien ta’ Spanja, tal-Italja; Għinuna biex ngħinu lil ħaddieħor. Dan kienet realtà li ħadd ma seta joħroġ minnha. Inti għandek territorju ta’ ċertu limitu, għandek popolazzjoni ta’ ċertu limitu u l-opportunitajiet li tista’ toffri lill-barrani, lil min jiġi huma limitati.”
Il-President Malti ta ħarsa wkoll lejn il-passat u l-vjaġġ Kostituzzjonali li dan il-pajjiż irnexxielu jagħmel b’suċċess: “F’temp ta’ kemm… għaddejna minn transizzjonijiet kollha kostituzzjonali minn kolonja, għal pajjiż liberu, pajjiż ħieles, Repubblika, spiċċajna membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea u dan it-taqlib kollu sar, veru jekk wieħed jiffoka fuq ċertu aspetti isib ċertu aggressività, ċertu dibattitu politiku, ċertu pożizzjonijiet iebsin meħudin però fl-aħħar mill-aħħar imxejna ‘l quddiem.”
Il-President żvela kif aċċetta li jkun Kap tal-Istat b’maġġoranza wiesgħa parlamentari: “Għamiltha tassattiva li jekk mhux se jkun b’tal-inqas b’żewġ terzi, ma naċċettax. Ħallih imbagħad li kienet anonima u nirringrazzja liż-żewġ naħat tal-kamra però tħossok iktar komdu għax inti qed titkellem f’isem iż-żewġ naħat. Jien mhux qed nitkellem ma’ naħa waħda biss għax għandhom maġġoranza u eleġġewni. Jiġifieri dik ittik ċertu sens ta’ kumdità.”
Żgur mhux forsi l-President ma setax ma jitkellimx dwar l-Istrina, il-ġurnata wara l-Milied fejn il-poplu Malti l-kontribut tiegħu.
Huwa tenna: “Il-Maltin għandhom qalb kbira fejn tidħol il-karità u fejn tidħol il-Malta Community Chest Fund li jafu li l-flus huma accounted for, trasparenza, jafu għalfejn qegħdin imorru. Il-Maltin meta ssemmilhom il-mard speċjalment mard tat-tfal, mard tal-kanċer u sfortunatament kulħadd meta jħares madwaru jiftakar f’min jiġi minnu; kuġin, ziju, ħuh, alla ħares qatt, uliedek, kulħadd jaf min għadda minnu. Allura jgħidlek, isma ejja nagħmlu karità kollettiva karità anonima ħalli nagħtu dawn il-flus biex jekk xi ħadd ikollu bżonn dawn isibhom.”
Ma setax jonqos li l-President jgħaddi messaġġ ta’ awgurju lill-poplu Malti u Għawdxi.
Huwa appella: “L-iktar ħaġa li nawgura lin-nies hija bħalma dejjem ngħidilhom, nawguralkom kollox imma l-iktar ħaġa s-saħħa għax mingħajr is-saħħa ma tagħmel xejn.”