Fiċ-ċrieki tal-Partit Nazzjonalista hemm ukoll diverġenzi mhux biss bejn il-fazzjonijiet iżda anki bejn nies li suppost huma għalenija wara l-Kap Bernard Grech.
L-aħħar firda li qed tintensifika hemm dik dwar il-midja tal-Partit Nazzjonalista li fl-aħħar żmien ħadet daqqa wara l-oħra.
Iċ-ċirasa fuq il-kejk għamlitha l-ewro parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola li mas-sit Lovin Malta kienet diġà qalet li hija kienet lesta biex tikkontesta għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fuq il-Lovin Malta, is-sit li għandu interess partikolari fuq l-istazzjonijiet tal-partit politiċi, Metsola ġiet rappurtata tgħid li l-istazzjonijiet politiċi ma kellhomx ikunu hemm għal dejjem u nistgħu naraw fażi fejn dawn jispiċċaw bħala parti minn riforma.
Din id-dikjarazzjoni ta’ Metsola ma niżlet xejn tajjeb mal-ħaddiema tal-midja Nazzjonalista li ilhom is-snin jintalbu jagħmlu s-sagrifiċċji kawża tad-djun kbar li ħonqu lill-Partit Nazzjonalista.
Wieħed mill-ħaddiema li ilu snin twal jaħdem fil-midja nstema’ jgħid, “Kellu bżonn taf Metsola kemm għamilna sagrifiċċji u ħdimna sigħat twal għall-Partit. Issa din tiġi tiftaħ ħalqha biex itellfilna ħobżna.”
Dan is-sentiment ħarġu fil-beraħ ukoll id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder li jmexxi l-midja tal-Partit.
Gouder taħt kitba ta’ Robert Musumeci kiteb li l-midja tal-Partit Nazzjonalista dejjem hemm se tibqa’.
Saħaq li jekk tieqaf il-midja tal-Partit Nazzjonalista tkun theddida serja għad-demokrazija.
Sa issa l-Kap Bernard Grech għadu sieket u ma ddefendiex lill-ħaddiema tal-midja tal-partit tiegħu.
Dan il-fatt qed iħasseb mhux ftit lil dawn il-ħaddiema li qed isostnu li sa issa, lanqas il-Kap ma ħareġ għonqu għalihom.