Il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa se jibqa’ jipproteġi l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u jħares ‘il quddiem għar-rapport li se jkun qed joħroġ minnha.
Abela qal dan waqt attività politika fl-Innovation Hub fix-Xewkija Għawdex.
“Illum għandi dover b’iktar responsabbiltà dak li nipproteġi l-inkjesta u din l-inkjesta se nipproteġiha. Illum għandi dak id-dmir miżjud fuqi li għal min qed jipprova jkisser l-inkjesta pubblika, jien se nwieġeb lura billi ngħid li l-Prim Ministru li ħatar dik l-inkjesta se jkun qiegħed jipproteġi l-ħidma tagħha.”
Il-Prim Ministru qal ukoll li l-Bord tal-Inkjesta għandu jieħu ż-żmien kollu sabiex ilesti din l-inkjesta madankollu baqa’ jappella għall-ispeditezza u sabiex ma jkunx hemm tkaxkir tas-saqajn.
“Mhux talli ma ddejaqnix l-inkjesta imma nħares ‘il quddiem għar-rapport u qed nistenna li jkolli dak ir-rapport f’idejja. Ikun x’ikun l-eżitu tiegħu żgur li se jkun ċertifikat ta’ ġara li ġara fil-passat, ta’ kemm inbidlu għat-tajjeb l-affarijiet f’din l-aħħar sena.”
Intant fl-istess attività politika il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ b’sodisfazzjon l-opinjoni Avukat Ġenerali fil-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja dwar il-kawża kontra l-ħatra tal-ġudikanti f’Malta mill-Partit Nazzjonalista.
Fl-opinjoni tiegħu li ħarġet biss ftit tal-jiem ilu, l-Avukat Ġenerali Gerard Hogan fil-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja qal li ma kien hemm xejn ħażin fis-sistema tal-ħatra tal-ġudikanti f’Malta.
Dwar dan il-Prim Ministru Abela qal li huwa ċar li mhux kulħadd qed jieħu gost bil-ġid li qed joħloq dan il-Gvern, hekk kif il-Partit Nazzjonalista baqa’ jipprova jkompli jkisser l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
“Illum kellek l-Avukat Ġenerali tal-European Court of Justice li jgħidilhom li s-sistema l-antika li kellu dan il-Gvern li ħloqtu inthom stess wara kollox kienet waħda tajba tal-ħatra tal-Ġudikatura aħseb u ara kemm hi aktar u aktar tajba s-sistema li għamilna aħna issa. Basta ilhom snin jagħmlu l-ħsara u llum lanqas apoloġija.”