Bejn Mejju u l-aħħar tas-sena, il-Gvern se jkun nefaq mal-€500 miljun ewro, jew nofs biljun, f’għajnuna finanzjarja diretta biex jgħin lin-negozji tul il-pandemija u l-ħaddiema jżommu xogħolhom.
Rapporti ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-aħħar jiem ikkonfermaw kif il-Gvern irnexxielu jżomm lill-ħaddiema fil-post tax-xogħol, b’differenza għal pajjiżi oħra li raw il-qgħad jisplodi ’l fuq tul ix-xhur tal-pandemija.
Fil-fatt, il-livell ta’ impjiegi kien l-aħjar fl-Ewropa, fejn Malta anki żiedet il-ħolqien tal-ammont ta’ impjiegi, u pajjiżna kien wieħed minn tliet pajjiżi biss fl-Unjoni Ewropea li rnexxielu jagħmel dan.
Dawn ir-riżultati kienu possibbli minħabba l-għajnuniet lin-negozji li ta l-Gvern, li rriżultaw f’sitwazzjoni fejn il-ħaddiema ma tilfux il-ħobża ta’ kuljum tagħhom.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, spjega kif fost l-oħrajn, il-Gvern diġà ħareġ mat-tliet mija u sittin miljun ewro fi ħlas ta’ pagi u ħamsin miljun ewro għall-iskema tal-vouchers.
“Il-Gvern minn Mejju ’l hawn nefaq xejn inqas minn ħames mitt miljun ewro f’kontanti billi ħallas tliet mija u sittin miljun ewro f’wage supplement, ħamsin miljun ewro f’kirjiet lin-negozji, tletin miljun ewro għall-kontijiet tad-dawl, ħamsin miljun ewro vouchers li ntefqu mill-familji Maltin u Għawdxin kif ukoll ma naqsux it-taxxi ta’ kreditu li laħqu ’l fuq minn ħames miljun ewro. Dawn il-flus kollha, għaldaqstant, iċċirkolaw fl-ekonomija tagħna sabiex b’hekk illum għandna dawn ir-riżultati daqstant tajbin għal pajjiżna.”