Fredrik Gereon Ljungcrantz, Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija tal-gaming, inħeles mill-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li seraq informazzjoni biex jużaha fil-kumpanija tiegħu.
Lura fl-2017, Ljungcrantz ġie mixli li ikkoppja materjal mingħajr ma kien awtorizzat kif wkoll għamel użu ħażin minn data li kienet tappartjeni lil min iħaddmu, Evoke Gaming Ltd.
Hu kien mixli wkoll li offra servizzi tal-gaming mingħajr liċenzja.
L-Ispettur Sean Scicluna spjega lill-Magistrat Donatella Frendo Dimech kif meta Ljungcrantz telaq mill-kumpanija, biex jiftaħ il-kumpanija ‘Staybet’, id-dħul ta’ Evoke Gaming LTD naqas immens.
Minkejja dan, Ljungcrantz ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti nnutat nuqqas ta’ evidenza fl-informazzjoni ppreżentata.