L-Unjoni Ewropea se tkun qed tagħti tmienja u għoxrin miljun ewro f’fondi addizzjonali biex jiġu appoġġjati n-negozji żgħar u medji f’pajjiżna.
Dan l-iżvilupp seħħ b’riżultat ta’ ftehim li seħħ fil-jum tal-Ġimgħa bejn il-Bank għall-Investiment Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investiment mal-Gvern Malti.
Dan fid-dawl tal-impatt li ħalliet il-pandemija fuq in-negozji.
Sa issa pajjiżna kien allokat disgħin miljun ewro iżda wara s-suċċess tal-ftehim fuq il-fondi allokati oriġinarjament, Malta ġiet allokata tmienja u għoxrin miljun ewro aktar.
B’hekk b’kollox pajjiżna għandu mija u tmintax-il miljun ewro biex jibqgħu jiġu mgħejjuna n-negozji żgħar u medji anki permezz ta’ self b’rati ta’ interessi vantaġġjużi.
Il-Kummissarju Ewropew Elisa Ferreira faħħret lil pajjiżna talli kiseb iżjed finanzjament biex jagħti stimulu lill-intraprendituri Maltin.
Qalet li bil-fondi allokati, l-ideat intraprenditorjali ma jibqgħux fuq il-karta iżda jsiru proġetti.
Fi stqarrija maħruġa mir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-fatt li nkisbu dawn il-fondi għan-negozji żgħar u medji juri l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jkun ta’ spalla għal dawn l-intrapriżi.
Qal li dawn il-fondi se jgħinu biex in-negozji jibqgħu jinvestu għall-futur u fakkar f’għadd ta’ miżuri li introduċa l-Gvern biex jilqa’ għall-impatt tal-pandemija.