Wara li ntemm il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ għall-għaxar snin li ġejjin, bl-isem ‘Towards 2030’, li mistennija titnieda fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla, daħlu wieħed u sittin sottomissjoni minn entitajiet u msieħba soċjali differenti.
Dan intqal waqt laqgħa li tat rendikont tal-proċess li se jara li l-pass li jmiss hu wieħed ta’ tħejjija tad-dokumenti finali li se jkun imsejjes fuq dak li ħareġ mill-proċess tal-konsultazzjoni pubblika.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u Organizzazzjonijiet Volontarji Clifton Grima kif ukoll l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, qalet li din il-konsultazzjoni pubblika kienet differenti minn tas-soltu għaliex nħolqot pjattaforma diġitali li fiha setgħu jittresqu l-proposti.
Hija spjegat: “Ħloqna pjattaforma diġitali li jista’ ‘Law Pin’ fejn iż-żgħażagħ setgħu jħallu l-kummenti tagħhom u skont huma kif ħassew li għandha tkun l-politika nazzjonali taż-żgħażagħ huma esprimew ruħhom fuq din il-pjattaforma ħallewlna l-messaġġi li aħna ġbarna kollha flimkien biex issa nużawhom għall-politika nazzjonali taż-żgħażagħ li se ntellgħu s-sena d-dieħla.”
Is-Segretarju Parlamentari, Clifton Grima stqarr li permezz taL-politika għaż-żgħażagħ, il-Gvern qed jara li jistabilixxi politika realistika billi jinkludi l-opinjoni taż-żgħażagħ li jħallu marka fuq is-soċjetà tagħna.
Huwa stqarr: “Permezz ta’ konsultazzjoni pubblika morna għand il-poplu speċjalment b’mod speċifiku għand iż-żgħażagħ biex naraw x’inhuma l-ħsibijiet tagħhom u xi ħaġa illi hija ċentrali f’dan kollu huwa l-fatt illi aħna nemmnu ż-żgħażagħ għandhom bżonn l-għajnuna biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.”
Min-naħa tagħha il-Ministru Julia Farrugia Portelli, qalet li b’din il-politika se jkompli jissaħħaħ u jinbena is-suċċess li nkiseb f’dan il-qasam fl-aħħar ħames snin li għaddew.
Hija sostniet: “L-għan tagħna li issa mmoru għall-pass illi jmiss. Id-dokument illi jrid jiffoka fuq politika nazzjonali taż-żgħażagħ għall-għaxar snin li ġejjin illi l-għan aħħari tiegħu huwa li ż-żgħażagħ jkunu iżjed involuti, li jkunu huma fiċ-ċentru tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Qed nitkellmu fuq politika illi tkopri fiha ż-żgħażagħ kollha bejn tlettax u t-tletin sena.”