Il-Batterija tas-Salut fil-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq fil-Belt Valletta qed tgawdi minn dehra ġdida hekk kif Infrastruttura Malta għamlet paviment ġdid biċ-ċangatura.
B’hekk dan is-sit imfittex mill-Maltin u anki t-turisti u li ta’ kull sena jżuruh mas-700,000 viżitatur, reġa’ ttieħed lura għal meta nbena fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann fis-seklu 16.
B’dan l-intervent ta’ €100,000, tneħħa t-tapit tal-ħaxix li kien sar f’nofs din il-pjattaforma panoramika aktar minn 10 snin ilu. Dan minħabba li l-ilma tat-tisqija kien qed inixxi fis-swar li hemm taħt u jgħarraq il-Lascaris War Rooms b’riżultat li ġarrbu ħsarat kbar fl-istruttura u fit-tagħmir militari li hemm fihom.
Infrastruttura Malta għamlet pavimentar ġdid b’ċangatura tal-qawwi bħala parti mill-kollaborazzjoni kontinwa tagħha mal-Fondazzjoni Wirt Artna li tieħu ħsieb il-Batterija tas-Salut u Lascaris War Rooms.
Fil-fatt Fondazzjoni Wirt Artna ddisinjat il-pavimentar ġdid tal-Batterija tas-Salut fuq l-istess stil ta’ dawk li nsibu f’fortifikazzjonijiet oħrajn ta’ żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann u żmien l-Ingliżi.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Josè Herrera spjega l-importanza tal-preservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Herrera stqarr: “Kif għinna s-settur tal-arti kreattiva fil-ġranet li ġejjin se nħabbru skema biex ngħinu l-NGO’s li għandhom x’jaqsmu mal-kultura wkoll għax nifhmu li huma sofrew fil-pandemija daqs kemm sofra ħaddieħor għax ma hemmx turisti u allura l-income tas-seats tagħhom naqas.”
Intant il-Ministru għall-Proġetti Kapitali, Ian Borg aċċenna għall-ħidma ta’ Infrastruttura Malta li b’hekk b’dan l-intervent se tkun qed tara li titrażżan il-ħsara fuq is-swar.
Il-Ministru Borg sostna: “Dan huwa każ ieħor fejn għandek NGO li hija fdata b’dan il-pattrimonju nazzjonali, dawn is-swar, din is-saluting battery li hija attrazzjoni minnha nnifisha anke bl-attività li jkun hawn u fl-istess ħin qed naraw li ma ssirx iżjed ħsara fl-iswar permezz tal-infrastruttura li saret.”