Daqqa ta’ pinna bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u r-rappreżentanti tal-pubblikaturi waslet għal ftehim li jirregolarizza l-ikkuppjar ta’ materjal ipprintjat u l-użu diġitali tal-kotba Maltin fl-iskejjel pubbliċi.
B’hekk f’dan il-ftehim li se jkopri l-perjodu ta’ sena, il-pubblikaturi u l-awturi se jirċievu sa massimu ta’ €100,000 allokati bir-rata ta’ 10% għall-użu kkupjat jew diġitali ta’ kull ktieb ippubblikat.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li dan il-ftehim kien fost l-ewwel affarijiet li bdiet taħdem fuqhom mindu daħlet fil-kariga.
Hija stqarret: “Dan ifisser li l-Gvern se jkun qed iħallas biex l-edukaturi tagħna jkunu jistgħu jagħmlu photocopies minn kotba li huma protetti mil-liġi tad-drittijiet tal-awtur u allura sibna bilanċ biex filwaqt li nipproteġu d-drittijiet tal-awtur u ta’ min jikteb il-kotba, inkunu qegħdin nipprovdu l-faċilità biex it-tfal ikunu jistgħu jagħmlu l-photocopies minn dawn il-kotba.”
ONE News tkellem ukoll maċ-Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali Mark Camilleri għall-Ktieb hekk kif sostna li dan it-tip ta’ liċenzjar tal-kotba użati fis-sistema edukattiva huwa obbligu tal-Unjoni Ewropea li kull Stat Membru jrid isegwi.
Huwa spjega li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkun responsabbli għall-immaniġġjar tal-proċess biex jgħaddi l-fondi msemmija.
Sostna wkoll li huwa sodisfatt wara l-azzjoni u l-appoġġ ħabrieki tal-Gvern għal dawn ir-riformi leġiżlattivi.
Huwa saħaq: “Din hija xi ħaġa pożittiva ħafna grazzi għall-Ministru jiġifieri li kienet pronta biex tappoġġja dan il-proċess legali, napprezzawh ħafna aħna minn naħa tagħna li fl-aħħar wasalna biex għall-ewwel darba f’Malta nirregolarizzaw l-użu tal-copyright u tal-photocopying f’Malta.”