Fl-aħħar sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew għal din is-sena ttieħed b’suċċess il-vot dwar ir-rapport li kienet ilha taħdem fuqu l-Ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar, dak dwar l-Istrateġija għan-Negozji Żgħar u Medji.
L-istrateġija għan-Negozji Żgħar u Medji, li fuqha Dr Cutajar ħadmet bis-sħiħ sabiex ressqet ir-rapport dwarha bħala n-negozjatriċi f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi, hi strateġija mill-aktar kruċjali għall-eluf ta’ negozji madwar l-Ewropa kollha, inkluż mijiet ta’ intrapriżi f’Malta u f’Għawdex.
Dr Cutajar kellha rwol ewlieni sabiex jidħlu diversi emendi bżonjużi u kruċjali għall-irkupru tas-settur tal-intrapriżi żgħar u medji fix-xhur li ġejjin.
Fi stqarrija l-ewro parlamentari Josianne Cutajar qalet li l-ħidma issa ser tkompli b’aktar qawwa biex jiġi assigurat li l-intrapriżi żgħar u medji tagħna, f’Malta u fl-Ewropa, jerġgħu jqumu fuq saqajhom u jibdew jikkompetu fis-suq bħal qabel.
Intant fl-aħħar jiem Josianne Cutajar inħatret Chairperson tal-Grupp ta’ Ħidma importanti fil-Parlament Ewropew dwar it-Turiżmu, l-Ivjaġġar u l-Mobilità.