Fl-aħħar sigħat fiequ 110 persuni oħra mill-Coronavirus f’pajjiżna u feġġew 94 każ minn fost 3,558 test.
Dan ifisser li 97.4% tat-testijiet li saru ġew negattivi, u 2.6% ġew pożittivi.
Sa issa, fiċ-ċentri ta’ ttestjar f’pajjiżna, saru 479,097 testijiet.
F’aġġornament mediku ta’ kull ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci nnotat kif in-numru ta’ każijiet issa qabad jonqos wara żmien li għamel stabbli. Qalet kif il-medja hija ta’ 84 każ ġdid ta’ kuljum. Bħalissa hemm sitt idjar tal-anzjani li fihom għadhom ifeġġu xi każijiet iżda f’ dawn ir-residenzi l-każijiet ukoll qed jonqsu.
Fl-aħħar ġimgħa kien hemm 86 każ ta’ trasmissjoni fuq il-post tax-xogħol u 139 każ ta’ trasmissjoni bejn il-qraba.
Il-Professur Gauci spjegat li f’Għawdex bħalissa hemm 51 każ ta’ Covid-19. Stqarret li l-maġġoranza ta’ każijiet hija ta’ persuni ta’ bejn il-25 u 34 sena.
Intant, Il-Professur Gauci qalet li anzjan ta’ 92 sena miet waqt li kien pożittiv għall-Coronavirus. L-anzjan kien ittestja pożittiv għall-Covid-19, fis-7 ta’ Diċembru li għadda. Huwa miet fil-jum tal-Ħamis f’San Vinċenz De Paul.
Ftit jiem biss qabel il-vaċċin ikun approvat mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u jibda jingħata l-ewwel tilqim fil-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, fosthom f’Malta, Charmaine Gauci stqarret li ser tkun qed issir kampanja ta’ tagħrif dwar il-vaċċin sabiex kulħadd ikun jista’ jagħmel deċiżjoni infurmata ta’ jekk jitlaqqamx jew le.
Il-Professur Gauci spjegat: “Nemmnu li l-pubbliku rridu nagħtuhom dik l-informazzjoni kollha li għandna ħalli huma jkunu huma stess li jagħmlu d-deċiżjoni li tkun infurmata. Infatti tiġi rolled out kampanja dwar din it-tilqima, ħalli aħna nkunu nistgħu ninfurmawkom ukoll dwar il-benefiċċji kollha ta’ din it-tilqima, propju wkoll kif taħdem din it-tilqima u anke tifhmu eżatti l-benefiċċju li għandhom dawn it-tilqim.”
Spjegat ukoll kif sabiex wieħed jitlaqqam kontra l-Coronavirus ser ikun hemm bżonn li jingħata żewġ dożi separati.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika sostniet: “Inti għandek l-ewwel doża li ħa tagħti ċertu immunità wara ftit ġranet, tal-Pfizer qegħdin jistmaw li jkun bejn wieħed u ieħor xi 52% effective wara l-ewwel doża. Però mbagħad inti trid tieħu t-tieni doża wara 21 ġurnata wara li din imbagħad hemmhekk ħa ttelgħalek għal 95%. Huwa importanti ħafna li nieħdu l-ewwel doża u t-tieni doża. Imbagħad għandek numru ta’ ġranet li inti hemmhekk tkun bnejt l-immunità ta’ dan propju l-vaċċin.”